Id-Dwana qiegħda tħejji għall-possibiltà li bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ma jintlaħaqx ftehim wara li fl-aħħar ta’ din is-sena jintemm il-perjodu tranżitorju.Id-Direttur tal-Affarjiet Barranin għad-Dwana, Ian Muscat spjega kif il-preparamenti ma bdewx issa, iżda ilhom għaddejin.
Huwa spjega, “Aħna bħala dipartiment tad-Dwana ilna dal-aħħar tliet snin nippreparaw għall-eventwalità ta’ Brexit bla ftehim. Sal-ġurnata tal-lum, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ingilterra m’hemmx allura għadna fuq l-istess linja li dak li għad irid jiġi impurtat jew esportat lejn l-Ingliterra wara l-ewwel ta’ Jannar elfejn u wieħed u għoxrin irid jgħaddi mill-formalitajiet kollha tad-Dwana.”
Muscat spjega ma’ ONE News kif id-Dwana ħadet dawn l-inizjattivi marbutin ma’ Brexit għall-benefiċċju ta’ dawk l-għexieren ta’ negozji li jimpurtaw u jesportaw minn Malta.
Għal dawn in-negozji, id-Dwana ħejjiet programmi ta’ taħriġ sabiex ikunu nfurmati ta’ kif għandhom joperaw meta jimpurtaw jew jesportaw minn u lejn ir-Renju Unit. Dawn in-negozji jinkludu kemm dawk li kienu jaħdmu mar-Renju Unit kif ukoll dawk li qatt ma ħadmu ma’ pajjiżi terzi.
Muscat temm billi appella lin-negozji li se jiġu affetwati direttament minn Brexit sabiex jaġġornaw ruħhom billi jagħmlu użu mis-sit tad-Dwana u anke jikkuntattjaw lid-dipartiment jekk ikollhom aktar mistoqsijiet.