Il-Kulleġġ tad-Dumnikani St Albert, esprima solidarjeta’ mal-komunita’ Musulmana, li fi kliemhom mhumiex jingħataw iċ-ċans li jkollhom lok ta’ qima. Il-Provinċjal flimkien mal-Kap tal-Kulleġġ saħqu li l-oġġezzjonijiet ta’ ordni pubblika u żieda fil-problemi tal-parkeġġi huma nkonsistenti għax ma jintużawx fil-konfront ta’ komunitajiet oħra.
Fi stqarrija, d-Dumnikani spjegaw li numru mdaqqas minn dawn il-Musulmani huma persuni li ma sabux spazju għal għixien dinjituż fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. “B’ħasra kbira, mhux qed isibu l-ispazju li jixirqilhom fil-pajjiż li qed jilqagħhom. Ħarbu minn oppressjoni u sabu oħra.”
Huma elenkaw dwar il-fatt li filwaqt li l-Maltin li huma nsara huma mdawrin b’opportunitajiet ta’ qima, dawn il-persuni qed jiġu mċaħħda minn dak li għandu jkun tagħhom bi dritt.
Il-Provinċjal flimkien mal-Kap tal-Kulleġġ xtaqu li juru sinjal konkret ta’ solidarjeta’ u djalogu b’mod tanġibbli u għalhekk offrew il-faċilitajiet tal-kulleġġ għall-użu tal-Komunita’ Musulmana.