Dorianne u Luke Spiteri għaddew mit-telfa iebsa ta’ binhom Francesco kawża ta’ tumur, li fl-aħħar ta’ ħajtu, sfortunatament, kellu jgħaddi minn uġigħ kbir.
Ommu u missieru għamlu dak kollu li setgħu miegħu sakemm spiċċa jitlef din il-battalja.
Fil-programm ‘Awla’ fuq ONE, Dorianne u Luke tkellmu fuq it-tbatija estrema li għadda minnha Francesco u kif, f’sitwazzjoni bħal din, wieħed jipprova jaqbad ma’ kull tibna ta’ tama.
“Panik kbar jaqbdu li ma żżommux, irid jaħrab, irid jiġri, irid jaħrab minn dan l-uġigħ ma jista’ jagħmel xejn. Uġigħ li ma tistax tiddeskrivih, it-tobba stess qalulna li ma jistgħux jiddeskrivu dan l-uġigħ li qed iħoss Francesco.”
DORIANNE SPITERI
“Egoistikament trid iżżommu miegħek, imma fl-istess ħin taf li hu qed ibati.”
LUKE SPITERI
Fil-programm, l-omm esprimiet ir-riservi fuq il-proposta kif tpoġġiet għad-diskussjoni, għax, biha, binha ma kienx ikollu din l-għażla xorta waħda peress li kien għad ma kellux it-18-il sena kif qed jiġi ssuġġeriet mid-dokument li tpoġġa għad-diskussjoni pubblika.

Dawn it-tip ta’ dilemmi jixhdu s-sensittività tas-suġġett, waqt li numru ta’ mistednin fl-istess programm it-Tlieta filgħaxija taw perspettivi varji.
Id-Dentist Jeffrey Pullicino Orlando emfasizza li f’dan l-istadju din hi biss diskussjoni, imma argument favur l-awtonomija tal-persuna.
“Jekk naf li ħajti se tispiċċa żgur f’sitt xhur, tajjeb, li jien għandi għażla li nkun imdawwar bil-familja u l-maħbubin tiegħi, minflok l-aħħar impressjoni tkun ta’ xi ħadd mitluf minn sensih, għax tant ippompjawlu morfina li xorta mhux qed jeżisti … għandi dritt nagħżel jien?”
JEFFREY PULLICINO ORLANDO
Manuel Mangani, li fil-prinċipju tkellem kontra l-introduzzjoni tal-Ewtanasja Volontarja Assistita, argumenta li f’pajjiżi oħrajn inqabdet it-triq għan-niżla.
Fl-istess waqt, iżda, irrikonoxxa li d-dokument bil-proposti sar b’galbu kbir.
“Jekk int tara l-proposta fiha nnifisha, din hi xempju ta’ raġonevalezza. X’jiġifieri? Taraha fuq il-karta hi ta’ min jammiraha.”
MANUEL MANGANI
It-Tabib Jan Chircop, li kien parti minn kumitat tekniku li ħejja d-dokument, enfasizza wħud mir-regoli stretti, fosthom li l-pazjent jista’ jbiddel il-fehma tiegħu x’ħin irid.
“Hemm ħafna salvagwardji, semmejna l-kura paljattiva n-nies għandu jkollhom l-ispjega meta jgħaddu minn dan il-proċess, it-tobba għandhom jispjegaw x’inhuma l-options tagħhom.”
JAN CHIRCOP
