Id-dukessa ta’ York, Sarah Ferguson, li għandha 63 sena, qed tirkupra wara operazzjoni li għamlet għall-kanċer tas-sider, li jidher li kienet ta’ suċċess.
Id-dukessa hija l-eks mara tal-Prinċep Andrew.
Hija indunat li għandha kanċer f’sidirha permezz ta’ mammogram, u propju għalhekk li kellha tiġi operata.
Kelliem għad-Dukessa qal li hi qed tirċievi l-aqwa kura possibli, u qed tirkupra, imdawra b’familtha, f’Windsor.
L-operazzjoni saret fl-Isptar, King Edward VII, fejn fost l-oħrajn kienet tiġi rikoverata ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni.
Id-Dukessa se tindirizza din id-dijanjożi fuq il-podcast tagħha, bl-isem ‘Tea Talk’, nhar it-Tnejn.
Hija ma kellha ebda sintomu qabel din id-dijanjożi, u b’hekk saħqet dwar l-importanza ta’ ‘screening’ regolari.
Ferguson, magħrufa bħala Fergie, hija omm il-Prinċipessi Beatrice u Eugenie.