Wara ftit iżjed minn tnax-il siegħa minn meta ddaħlet l-isptar biex twelled, id-Dukessa ta’ Cambridge niżlet it-taraġ tal-Lindo Wing fl-isptar ta’ Santa Marija f’Paddington fiċ-ċentru ta’ Londra flimkien mal-Prinċep William bit-tielet wild irjali fi ħdanha.
Il-membru l-ġdid tal-familja rjali twieled fil-11:01 ħin lokali, u kien jiżen tmien libbri u 7 uqiji. L-isem tat-tarbija għadu ma ngħatax, bl-isem ta’ Arthur fost l-iżjed favorit skont il-kumpaniji tal-imħatri.
Il-Prinċep George u oħtu l-Prinċipessa Charlotte raw lil ħuhom iż-żgħir għall-ewwel darba ftit qabel ma ntwera lid-dinja. Pero, għad-diżappunt ta’ dawk li forsi stennew xi ritratt tal-familja Cambridge kollha f’daqqa, dawn ittieħdu lura d-dar separatament mill-ġenituri u ħuhom.