Żewġ rivisti Franċiżi ġew ordnati mill-Qorti Franċiża jħallsu mal- €100,000 lill-koppja rjali għad-danni morali wara l-publikazzjoni ta’ ritratti mingħajr ħwejjeġ tad-dukessa ta’ Cambridge ħames snin ilu.
Weħel multa wkoll l-editur u sid tar-rivista Closer. Ir-ritratti msemmija kienu ttieħdu minn fotografi mqabbda minn dan il-magażin waqt li Kate u William kienu qiegħdin fuq vaganza fi Provenza f’residenza privata. Ir-ritratti meħudin mill-bod kienu ġew stampati kemm fuq il-faċċata u kif ukoll fuq il-paġni ta’ ġewwa ta’ din il-pubblikazzjoni lura fl-2012.
Id-danni mirbuħa huma anqas mill-ammont li kien maħsub xieraq mill-avukati tad-Duka u d-Dukessa ta Cambridge- dak ta’ €1.6 miljun.
Id-duka stqarr li dan l-indħil fil-ħajja privata tagħhom lilu jġiblu “aktar uġigħ” fid-dawl tal-esperjenza kerha li kellha ommu Diana mal-paparazzi.
Is-sentenza ħarġet biss ġurnata wara li ġiet mħabbra l-istennija għat-tielet wild tal-koppja rjali.