Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh, il-Prinċep Edward u martu Sophie, li jinsabu f’pajjiżna bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mindu Malta saret indipendenti, żaru għadd ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna, akkumpanjati mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Fost dawn huma żaru l-Mużew Marittimu fil-Birgu, li fih sar xogħol estensiv ta’ restawr. Hawnhekk id-Duka u d-Dukessa apprezzaw is-sbuħija tal-palazz li jinsab fl-eks Royal Naval Bakery, li nbniet f’nofs is-Seklu 19, bħala l-forn ewlieni għall-flotta tal-Mediterran.
Wara marru fil-MUŻA u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra f’Sant’Iermu fil-Belt Valletta, fejn ukoll hu miżmum il-George Cross, li ngħata lil pajjiżna għas-sehem kruċjali tiegħu fil-gwerra.
Il-koppja rjali inawgurat ukoll, dak li hu magħruf bħala l-Passaġġ tas-Submarine, li nħoloq minn Heritage Malta biex jikkommemora tali bastimenti bbażati f’Malta u li ntilfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Żjara interessanti b’emottiv personali għad-Duka u d-Dukessa kienet dik fil-Villa Guardamangia fejn, bejn l-1949 u l-1951, għexet l-Prinċipessa Elizabetta, qabel eventwalment saret ir-Reġina tar-Renju Unit.
Żjara oħra saret fil-Biblijoteka Nazzjonali, fil-qalba tal-kapitali fejn ukoll jinstab il-Monument tar-Reġina Vittorja, il-bużnanna tal-Prinċep innifsu.
Il-Ministru Bonnici wera l-apprezzament tiegħu għaż-żjara tal-koppja rjali, filwaqt li qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit minn dejjem kienu intimi u speċjali u komplew jissaħħu matul is-snin.
Sadanittant, il-Prinċipessa Sophie ħadet sehem f’diskussjoni dwar it-traffikar uman fid-Depot tal-Pulizija, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, u l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà.
Huma tkellmu dwar il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Britanniċi dwar din l-isfida li kulma tmur qed tiżdied madwar id-dinja kollha.