L-ikbar kumpanija tal-farmaċewtiċi fl-Istati Uniti ħadet passi biex prodotti tagħha ma jintużawx f’injezzjonijiet letali.
Il-kumpanija Pfizer iddikjarat ruħha kontra l-piena kapitali u qalet li l-prodotti tagħha għandhom l-għan li jsalvaw u mhux joqtlu ħajjet in-nies.
Dan il-pass ifisser li issa m’hemmx kumpanija oħra fejn awtoritajiet Amerikani jistgħu jirrikorru sabiex jixtru l-kimiċi li jintużaw f’injezzjonijiet letali.
Fl-Istati Uniti dan huwa l-aktar mod li jintuża biex jinqatlu nies wara li jkunu ngħataw piena kapitali. S’issa kienet tintuża tip ta’ droga li traqqad lil dak li jkun u twaqqfu milli jieħu n-nifs, biex b’hekk jaqbdu attakk tal-qalb.
Fl-2011 l-Unjoni Ewropea waqqfet l-esportazzjoni tad-drogi li jħallu dan l-effett. Ħafna manifatturi Amerikani tħajru jieħdu dan il-pass huwa wkoll, u għalhekk ftit li xejn kien fadal swieq.
Sentejn ilu, Clayton Lockett li ngħata l-piena kapitali, dam 43 minuta biex miet wara li fuqu ntużat taħlita ta’ droga li qatt ma kienet ipprovata qabel.