Id-drogi sintetiċi, anke dawk li għadhom mhux magħrufa sal-lum se jkunu llegali. Dan ser isir permezz ta’ abbozz ta’ liġi, li qed jigi diskuss fit-tieni qari u li ser ikun qed jemmenda l-Ordinanza dwar il-mediċini perikolużi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li fil-preżent hemm anomalija hekk kif persuna li tinqabad b’sustanza li mhix ikklasifikata bħala illegali, għalkemm tkun qed tintuża bħala droga, il pulizija ma jkunux jistgħu jiehdu passi għax is-sustanza mhix illegali.
Huwa spjega li waqt li hemm sustanzi li huma kklasifikati bħala prodotti mediċinali, prodotti tal-ikel jew sustanzi oħra bħal tabakk u alkoħol, hemm sustanzi ohra bħal kokaina, eroina u oħrajn li huma mniżżla bħala sustanzi illegali. Fl-aħħar snin beda fenomenu gdid fejn qed tinbidel ftit il-kompożizzjoni ta’ sustanza illegali u minħabba f’hekk ma tkunx reġistrata bħala illegali.
Bl-emendi mressqa bħalissa fil-Parlament, anke dawk is-sustanzi ġodda li jkunu għadhom mhux ikklassifikati se jitqiesu illegali u b’hekk il-pulizija tkun tista’ tipproċedi kontra min ikollu fil-pussess tiegħu dawn is-sustanzi.
“Illum anke jekk tkellem lill-psikjatri tagħna jgħidulek li għandna problema b’mard mentali minħabba l-użu tad-drogi. Għaldaqstant bħala pajjiż għandna nagħmlu minn kollox biex nipproteġu lil uliedna, u dawn l-emendi ser iwasslu għal aktar infurzar tal-ligi,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.