Qatt m’għamilt xejn għalija nnifsi – dejjem ħdimt għad-droga. Il-programm għamiltu għalija.
Hekk qalilna Ahmed, li ftit tax-xhur ilu, temm b’suċċess l-itwal programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga f’Malta.
Fil-Komunità Santa Marija f’Ħal Luqa, immexxija mill-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, iltqajna mar-raġel u smajna l-istorja tiegħu.
Qalilna li qatta’ ħamsa u għoxrin sena minn ħajtu jaħdem u jgħix għad-droga, u fi kliemu, sar ‘skjav tagħha’.
“Naħdem, kif nispiċċa mix-xogħol immur għaliha mill-ewwel. Kif ikolli l-flus fil-but, il-ħsieb ġo moħħi mill-ewwel – ħa mmur nieħu. U meta tieħu, tonfoq li għandek, terġa’ tiddejjen, tara minn fejn se ġġib il-flus, u flok problema waħda żżid ħafna problemi.”
Ahmed Fakri – temm programm ta’ rijabilitazzjoni
Ahmed qalilna li d-droga ħallietu iżolat, mingħajr familja u ħbieb, u minkejja li pprova jieqaf kemm il-darba, kien kollu għalxejn.
“Ippruvajt kemm il-darba nieqaf, nieqaf ġimgħa, xahar, ħmistax, imma mbagħad ma jirnexxilix. Nerġa’. Ngħid ħa nieħu darba. Imma din m’hemmx darba. Id-droga ma fihiex darba – id-droga hija dejjem. Ħa tieqaf għal dejjem jew ħa tieħu għal dejjem.”
Ahmed Fakri – temm programm ta’ rijabilitazzjoni
Saħansitra spiċċa l-ħabs minħabba d-droga, fejn tneżża’ mil-libertà.
Fil-ħabs irrealizza li fit-triq tad-droga, m’hemmx ħajja, u wara snin jagħmel affarijiet għad-droga, ħass li wasal iż-żmien li jagħmel xi ħaġa għalih innifsu.
“Sibt lili nnifsi barra u għajjejt ħafna. Fl-aħħar għidt irrid nagħmel xi ħaġa għalija.”
Ahmed Fakri – temm programm ta’ rijabilitazzjoni
Kien hawn li ddeċieda li jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mal-Komunità Santa Marija, li huwa l-itwal programm fil-pajjiż.
“Hawnhekk il-mentalità tat-triq trid tħalliha barra. Kif tidħol max-xatba, trid tħalliha barra. Tidħol b’mentalità differenti, għax ħa tgħix għal bniedem differenti. Ħa tgħix għal bniedem normali. Wara li tlesti l-programm, ħiereġ fis-soċjetà. F’soċjetà normali, mhux soċjetà tad-droga.”
Ahmed Fakri – temm programm ta’ rijabilitazzjoni
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, Charles Scerri, spjegalna li l-programm, li bħalissa qed jagħmluh sittax-il persuna, hu maqsum fi tliet fażijiet.
L-ewwel fażi tinkludi assessjar u terapiji mal-familja tal-persuna, filwaqt li t-tieni fażi hija ddominata minn terapija individwali u ħidma f’kuntest ta’ komunità.
Imbagħad hemm it-tielet u l-aktar fażi importanti.
“It-tielet fażi hija l-aktar waħda essenzjali għaliex il-persuna ħa tibda tmur lura barra fil-komunità, ħa tibda taħdem, nistgħu ngħidu li kemm ilha miftuħa l-Komunità, qatt ma kellna diffikultà li xi ħadd li jkun qed jagħmel programm isib diffikultà biex isib impjieg, jiġifieri dik assolutament mhix diffikultà, u l-persuna tkun qed tgħix hawnhekk filwaqt li mal-ġurnata tmur għax-xogħol.”
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tas-Sedqa, Charles Scerri
Issa li temm il-programm ta’ erbatax-il xahar b’suċċess, Ahmed qed iħares ’il quddiem għal ħajja, fi kliemu, ‘mid-dlam għad-dawl’.
“Illum dieħel fit-tieni sena clean u nirringrazzja lil Alla u lili nnifsi li għamiltu b’suċċess il-programm. Il-ħajja sabiħa, nixtieq lil kull min qed jagħmel il-programm hawn biex jaħdmu fuqhom infushom għax il-programm, min jidħol għalih, irid jaħdem fuqu nnifsu għax il-programm la fuq il-mummy, la fuq id-daddy, la fuq it-tifla, mhux ħa jirnexxi. Trid tagħmlu u taħdem fuqek innifsek.”
Ahmed Fakri – temm programm ta’ rijabilitazzjoni