Is-sena 2018 se tibqa’ mfakkra bħala l-aktar sena li fiha nqabdet droga fl-istorja ta’ pajjiżna mhux biss fil-kwantità iżda anke fil-purità, b’total ta’ aktar minn 17,072 kilo. Fost dawn il-qabdiet kbar kien hemm dawk ta’ kważi 11-il tunnellata u ħames tunnellati reżina tal-kannabis flimkien ma’ erba qabdiet ta’ aktar minn 40 kilo kokaina kull waħda mill-Port Ħieles.
L-espert tal-Qorti, il-Professur Emmanuel Sinagra, qal li l-purità tad-droga f’uħud minn dawn il-qabdiet qabżet id-90%. Xi ħaġa li f’pajjiżna qatt ma’ ġrat. Huwa spjega kif “il-purità tvarja verament minn ħaġa għall-oħra fejn minn dawn il-qabdiet kbar keinet tvarja minn 50% sa kwazi 100% imma dak kien xogħol li mhux għal Malta”.
Il-Professur Sinagra qal li l-valur tad-droga huwa ferm iżjed minn dak li kien ġie stabbilit fil-bidu tal-investigazzjonijiet:
“Hawn pajjiżi fejn hemm kokaina li tkun €80 kull grama. Fl-Ewropa l-average huwa ta’ €250 kull gramma. Issa dawk huma prezzijiet li se jieħu minn iqqassam jiġifieri kokaina imħallt 22a% u mhux bħal dik maqbuda ta’ 50% ew 100%, jiġifieri għandek iktar minn nofs”.
L-akbar żewġ qabdiet saru mill-Uffiċjali tad-Dwana mill-Port Ħieles, madankollu l-Pulizija wkoll kellha sena ta’ suċċessi għal qbid ta’ droga bi kważi tunnellata droga interċettata minn pajjiżna wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet.
Il-kampjuni kollha ta’ dawn il-qabdiet jittieħdu fil-laboratorju tal-Universita ta’ Malta fejn jiddewbu f’kimika sabiex jiġu vverifikati b’mod uffiċjali.
Sinagra qal li “l-mass spectrum tagħtina l-fingerprint tas-sustanza li hawn, eżempju hawnhekk għandna massa ta’ kokaina li mbagħad għandek il-fragments li joħorġu mill-istess kokaina”.
Min-naħa tiegħu s-Sur Godwin Sammut spjega li bl-istess kampjun tiġi stabbilità l-purita tad-droga.
“Din hija l-peak tal-kokaina imbagħad din hija l-peak tal-internal standards imbagħad għandek mathematical calculation li tqabbila mal-istandard u minn hemm toħroġ il-concentration tas-sample.”
Il-Professur Sinagra jgħid ukoll li din is-sena rat ukoll ammont ta’ droga maqbuda mill-ħabs. “F’ħafna xogħol mill-ħabs rajna sustanzi differenti l-aktar sintetiċi li l-aktar li ħarġu huma mir-rizultati 5FADB”.
Is-Sur Sammut temm jgħid kif ħafna mid-droga diġa ġiet meqruda madankollu dan issir biss wara li jitlestew il-proċeduri fil-qorti.
“L-Ispettur iressaq rikors biex id-droga tiġi distruta, imbagħad aħna bhala esperti mmorru ma’ oħrajn flimkien mas-‘Scene of Crime Officers’ li jieħdu ritratti u filmati tal-proċess kollu li jsir f’inċenatur,” temm jgħid Sammut.