Id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ ġew iċċelebrati fit-tielet edizzjoni tal-Gozo Pride, organizzat mill-LGBTI+ Gozo.
Il-marċ tal-Pride fir-Rabat Għawdex jissimbolizza l-mixja kultant diffiċli li din il-komunità kellha tagħmel biex jingħelbu l-preġudizzji u tikseb ir-rispett u d-drittijiet tagħha.
Matul il-jum tas-Sibt saru diversi attivitajiet fil-ġonna ta’ Villa Rundle fejn fost oħrajn tqajmet kuxjenza filwaqt li ġew provduti dettalji dwar is-servizzi psiko-soċjali u servizzi speċjalizzati oħrajn għal persuni LGBTIQ+ u l-familji tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri qal li l-Pride March hi ċelebrazzjoni tal-imħabba, tad-diversità, l-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa rrimarka kif tul dawn l-aħħar snin, saru kisbiet enormi f’dan is-settur iżda sfortunatament, xorta għadhom jeżistu ostakli f’din il-mixja.
Filwaqt li ta ħarsa storika lejn il-kisbiet tad-drittijiet li l-komunità LGBTIQ+ għamlet f’pajjiżna, l-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li tissokta l-mixja għal aktar ugwaljanza. Qal kif il-Pride March hi ċelebrazzjoni però, aktar minn hekk hija wirja ta’ għaqda u solidarjetà ma’ kull persuna li tappartjeni f’din il-komunità, b’mod partikolari dawk li għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew għadhom jiġu emarġinati.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg spjegat kif Malta għamlet passi kbar ’il quddiem biex illum pajjiżna għandu l-aqwa liġijiet fl-Ewropa li jħarsu d-drittijiet ċivili tal-komunità LGBTIQ+. Madankollu, fadal ħafna iktar xogħol xi jsir biex inkomplu nbiddlu l-mentalitajiet u niġġieldu l-miżinformazzjoni. Buttigieg qalet ukoll li din is-sena sar pass ieħor importanti għal din il-komunità hekk kif, bi ftehim mal-FSWS, beda jiġi pprovdut servizz psiko-soċjali għal individwi u l-familji tagħhom, anke permezz ta’ servizzi ta’ outreach f’Għawdex.
Fi tmiem il-marċ saru wkoll diskorsi minn Antonella Bugeja f’isem LGBTI+ Gozo u minn Jackie Roberts f’isem Checkpoint li tipprovdi diversi servizzi ta’ għajnuna lill-persuni LGBTIQ+.