Fid-dawl tal-inċident li seħħ dalgħodu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn ajruplan iġġarraf u ħalla ħames Franċiżi mejta. L-Awtoritá tal-Kompetizzjoni u l-affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fakkret id-drittijiet tal-passiġġieri li esperjenzaw dewmien fit-titjiriet tagħhom hekk kif għal ftit sigħat, ma telqet l-ebda titjira mill-Ajruport ta’ Malta.
Fi stqarrija, l-MCCAA fakkret kif passiġġieri li t-titjira tagħhom ġiet ikanċellata jew ittardjaw, legalment huma intitolati għal ikel u xorb, żewġ telefonati, messaġġi FAX jew e-mails bla ħlas.
Jekk it-titjira tiġi ikkanċellata jew titardja b’aktar minn ħames sigħat, il-passiġġieri huma ntitolati wkoll li jikkanċellaw it-titjira tagħhom jew jingħataw il-flus lura tal-biljett tal-ajru, huma jistgħu wkoll ibidlu d-dati tal-vjaġġ u d-destinazzjoni tagħhom.
Jekk il-ħin tat-tluq jkun differit b’ġurnata, il-passiġġieri għandhom d-dritt li jiġu offruti akkomodazzjoni u trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ akkomodazzjoni.
Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 23 952 000 jew tibgħat e-mail fuq airpassengerrights.mccaa@mccaa.org.mt