F’Misraħ l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta spikka l-kliem favur id-drittijiet tat-tfal, f’dak li diġà sar f’pajjiżna u ħarsa lejn il-futur biex it-tfal jkollhom vuċi aktar b’saħħitha fis-soċjetà Maltija.
Il-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli indirizzat serata kommemorattiva biex jitfakkar Jum il-Vittorja, meta Malta rebħet fuq it-Torok fl-Assedju l-Kbir u kontra l-Assi fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Kummissarju spjegat li bħalma fl-imgħoddi is-swar fil-Port ipproteġewna mill-għadu, l-istess sibna kenn fid-dar kontra l-coronavirus, l-għadu li ma jidhirx.
Miceli qalet li kawża tal-pandemija, ħafna tfal kienu iżolati, u fakkret kif il-kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra huwa fattur importanti għall-iżvilupp tat-tfal.
Hawn spjegat kif ir-relazzjoni bejn l-adult u t-tfal ma għandhiex tkun imsejsa fuq l-awtorità u l-kontroll tal-kbir fuq iż-żgħir, iżda l-istorja ta’ pajjiżna stess tixhed li meta t-tnejn jitpoġġew maġenb xulxin f’rabta ta’ sħubija jkun hemm riżultati ferm aħjar, hekk kif tixhed l-istorja ta’ pajjiżna stess.
Il-Kummissarju tat-tfal elenkat il-pass li jmiss; li l-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tidħol fil-Kodiċi Ċivili u li tinbidel il-liġi li tirregola l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Kummissarju sabiex jingħata aktar saħħa għall-iskrutinju tal-politiċi u l-prattiċi eżistenti u l-ħarsien tat-tfal.
Fi tmiem is-serata tqiegħdu l-kuruni tal-fjuri fuq il-monument tal-Assedju Kbir mid-Deputat Prim Ministru, mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, mill-Kap tal-Oppożizzjoni, is-Sindku tal-Belt Valletta u persuni distinti fost oħrajn.