L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li passiġġieri li jistgħu jintlaqtu minħabba l-coronavirus għandhom id-dritt għal rifużjoni sħiħa tal-pakkett tal-ivvjaġġar jew titjira fi żmien erbatax-il jum.
Fi stqarrija, l-Awtorità spjegat li dan jista’ jsir jekk il-pakkett tal-ivvjaġġar jitħassar minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi.
L-Awtorità qalet jgħodd ukoll għal btala mixtrija b’rabta ma’ avveniment sportiv li ġie kkanċellat jew f’każ li l-awtoritajiet tal-pajjiż jordnaw li l-logħba tintlagħab bil-bibien magħluqa.
Żiedet tgħid li d-drittijiet tal-konsumaturi dwar it-titjiriet ikkanċellati japplikaw ukoll f’każijiet jekk dawn jitħassru minħabba ċirkostanzi straordinarji bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar.
Madankollu f’dawn il-każijiet il-passiġġieri milquta jistgħu biss jitolbu rifużjoni jew rotta mill-ġdid iżda mhux kumpens.
Fi stqarrija separat, il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar li l-Ġimgħa se jitlaqqa’ għall-ewwel darba kumitat magħmul minn stakeholders ewlenin fl-industrija tat-turiżmu b’rabta mal-Coronavirus.
Il-Ministeru qal li huwa konxju li s-sitwazzjoni tista’ titlob deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq l-ekonomija, b’mod partikolari l-ivvjaġġar u l-industrija tat-turiżmu.
Intant l-imxija tal-coronavirus qed tkun ukoll biċċa wġigħ ta’ ras għall-awtoritajiet edukattivi. Dan wara li l-unjin tal-għalliema, l-MUT, ħarġet direttivi lill-edukaturi fl-iskejjel primarji ta’ Raħal Ġdid u l-MCAST minħabba li allegat li m’hemmx provvista tal-ilma/ Madankollu sorsi qrib dan l-istazzjon xejnu dan.
Min-naħa l-oħra l-MCAST appella lill-MUT biex tirtira d-direttivi lil tat lill-letturi f’dan il-kulleġġ biex ma jagħtux lezzjonijiet lill-istudenti.
Fi stqarrija l-MCAST iċċara li l-provvista tal-ilma telqet wara żball li sar minn kuntrattur tat-toroq li kien qed iwettaq xogħlijiet qrib il-kampus.
L-MCAST spjega li f’temp ta’ siegħa u nofs, il-provvista ġiet lura għan-normal anke permezz ta’ bowsers tal-ilma.
Qal li huwa ħasra li l-MUT ordnat dawn l-azzjonijiet u tellfet il-lezzjonijiet lill-istudenti minkejja li dak li ġara ma kienx jiddependi mill-amministrazzjoni tal-kulleġġ.