“F’dan iż-żmien ta’ sfidi jrid ikun żġurat li l-popli tagħna jkollhom il-protezzjoni, ir-rispett u garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif imniżżel fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.”
Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg waqt li indirizza sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li sar f’Turin, l-Italja.
Il-Ministru Ian Borg saħaq kif aktar minn qatt qabel hemm bżonn ta’ kooperazzjoni b’saħħitha sabiex naraw li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikunu implimentatati.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin żied jgħid kif il-Kunsill tal-Ewropa għad għandu relevanza importanti ħafna fejn tidħol is-sigurtà Ewropea.
Għal darba oħra hawnhekk, il-Ministru Borg kompla jisħaq fuq il-paċi.
Qal, “Fl-istess ħin naslu għal deċiżjonijiet illi jipproteġu u jikkonservaw il-valuri illi għandna bħala Ewropej u żġur dak li qed tesperjenza l-Ukrajna, l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa fuq it-territorju tagħha, żġur mhux aċċettabli u allura mhux biss nikkundannawh, imma nappellaw biex il-gwerra tieqaf minnufih.”
Dr Borg faħħar it-tmexxija tal-Presidenza Taljana matul l-aħħar sitt xhur u awgura lill-Irlanda li issa se jkollha l-Presidenza f’idejha.