Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa involut kompletament fil-proċess tat-taħditiet tal-Brexit u għalhekk id-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi u tal-UE jaqgħu taħt il-kappa tal-obbligi politiċi ta’ Donald Tusk, anki jekk il-Kummissjoni Ewropea hija n-negozjatur prinċipali tal-Brexit.
Qal dan Alfred Sant fil-Parlament Ewropew fi Brussell meta rreaġixxa għat-tweġiba tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal mistoqsijiet ta’ 21 Ewroparlamentari minn ħames gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi fl-istati membri tal-UE u d-drittijiet ta’ ċittadini Ewropej fir-Renju Unit. Donald Tusk qal li ma kienx f’pożizzjoni li jirrispondi għad-domandi għax qal li n-negozjati tal-BREXIT ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltajiet politiċi tiegħu. Il-Mistoqsija Parlamentari saret minn Julie Ward (S&D) u ġiet iffirmata wkoll minn 20 MPE, inkluż Alfred Sant.
Dr Sant ikkwota il-linji gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea maħruġa f’Marzu tal-2017, fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea iddikjara li:
“Id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE, u tal-membri tal-familji tagħhom, li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE hu aspett fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ drittijiet oħra previsti fid-dritt tal-UE, dan sawwar il-ħajjiet u l-għażliet ta’ miljuni ta’ nies. Qbil dwar garanziji reċiproċi biex jitħarsu l-istatus u d-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-UE fid-data tal-ħruġ taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit, u l-familji tagħhom, li jkunu affettwati bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ser ikun l-ewwel prijorità għan-negozjati. Dawk il-garanziji jridu jkunu effettivi, infurzabbli, nondiskriminatorji u komprensivi, inkluż id-dritt tal-kisba ta’ residenza permanenti wara perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza legali. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċeduri amministrattivi sempliċi u bla xkiel.”
L-21 MPE qalu lil Tusk li wara r-referendum Britanniku tat-23 ta’ Ġunju 2016, ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u ċittadini Britanniċi li jgħixu fl-istati membri tal-UE għaddejjin minn inċertezza, ansjeta` u dwejjaq dwar il-futur tagħhom u tal-familji tagħhom. Organizzazzjonijiet differenti bħal ‘New Europeans’ saħqu dwar it-tħassib taċ-ċittadini li jibqgħu jgawdu mid-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE. Dawn jinkludu d-dritt li jgħixu fi stat membru, jkunu residenti fih u jkollhom id-dritt għal ħajja privata u familjari hemmhekk, kif miktub fiċ-Ċarter tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani.
“Hemm sens ta’ dispjaċir għax l-individwi qed ikunu trattati bħala ‘għodda ta’ tpartit’ waqt in-negozjati tal-BREXIT. Irrispettivament mill-pożizzjoni preżenti u futura tar-Renju Unit, il-President se jisħaq biex il-Kunsill tal-UE jintrabat li jżomm id-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi intatti fl-istati membri tal-UE biex jibqgħu jgawdu d-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE? Dawn id-drittijiet se jibqgħu fis-seħħ minkejja dak li se joħroġ min-negozjati mar-Renju Unit?
Il-President se jinvoka garanziji biex id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li mhux Britanniċi u li jgħixu fir-Renju Unit ikunu suġġetti għal ftehim separat mar-Renju Unit u mhux ikunu influwenzati mir-riżultat tan-negozjati fuq suġġetti oħra?” staqsew l-MPE li jirrappreżentaw il-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D), l-Alleanza Ewropea tal-Ħodor (Verts/ALE), Il-Grupp Konfederali tal-Unita` Ewropea Xellugija/Nordika tal-Ħodor tax-Xellug (GUE/NGL), l-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi (ALDE) u l-Partit Popolari Ewropej (PPE).