L-Erbgħa, waqt iċ-ċerimonja tal-Hunyadi János Award fi Brussell, il-Prim Ministru Ungeriż Victor Orbán ippreżenta lid-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini b’midalja ta’ unur għal dak li ntqal kien ir-rwol tiegħu fid-difiża ta’ valuri tradizzjonali Kristjani u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni.
Salvini kien ippreżentat bi statwa tal-bronż kif ukoll ċertifikat.
L-unur internazzjonali tal-Fondazzjoni Ungeriża kien inawgurat fl-2023 meta dakinhar kien ingħata lill-eks MEP, il-Professur Ryszard Legutko.
Orbán qal li dan il-premju kien ingħata lil Salvini għad-difiża bla waqfien tal-Ewropa u talli ġġieled b’kuraġġ kontra l-invażjoni ta’ immigranti illegali bil-baħar.
Kif irċieva l-unur, fid-diskors tiegħu Salvini ddenunzja l-pjan ta’ difiża ta’ €800 biljun tal-Kummissjoni Ewropea u appella lill-Unjoni Ewropea sabiex tieħu azzjoni konkreta biex tassigura l-paċi.
Salvini kien ġie akkużat bi ħtief ta’ immigranti wara li kien irrifjuta li jħalli dgħajsa ta’ salvataġġ bl-immigranti tidħol l-Italja fl-2019 iżda l-Qorti Taljana kienet ħelsietu minn kull akkkuża s-sena l-oħra.