Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq fuq l-ilbies tal-maskri quddiem żieda fir-rata ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19.
Chris Fearne qal dan f’kollegament telefoniku waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio.
Chris Fearne qal li pajjiżi oħra saħansitra qed jimponu lockdown u jħassru l-attivitajiet, fosthom dawk sportivi.
Spjega li apparti Malta hemm 15-il pajjiż ieħor fl-Ewropa li daħlu l-ilbies obbligatorju tal-maskri fil-pubbliku.
Saħaq li l-maskri huma importanti biex jipproteġu lin-nies, speċjalment f’postijiet pubbliċi bħall-Belt, fejn qed jinġabru n-nies anki minħabba x-xiri tal-Milied.
“Vera li Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li daħlet mill-ġdid l-ilbies tal-maskri iżda pajjiżi oħra segwew fosthom, il-Belġju, l-Olanda, Spanja, id-Danimarka, Ċipru, il-Kroazja, il-Portugall u l-Islovakkja.
Chris Fearne spjega li l-varjant Omicron mhuwiex inqas sever minn varjanti oħra tal-Coronavirus u qal li dan il-varjant huwa mat-12-il darba iktar infettiv minn varjanti oħra.
Spjega kif ir-rata ta’ infezzjonijiet f’Malta telgħet għal 3% fejn sa issa għadu ma nstabx każ tal-Omicron iżda fl-Afrika t’Isfel, fejn il-varjant imsemmi huwa predominanti, ir-rata ta’ infezzjonijiet telgħet għal 35%.
Fearne qal li arma oħra kontra l-Omicron huwa l-vaċċin, inkluż il-booster.
Chris Fearne saħaq li llum hawn tliet persuni fit-Taqsima għall-Kura Intensiva meta bħal daż-żmien sena kien hawn mat-tletin ruħ fl-ITU.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li dawk minn 35 sena ’l fuq jistgħu jirreġistraw għall-booster fuq vaccin.gov.mt minn nhar it-Tnejn li ġej.
Qal li sa issa 40% tal-popolazzjoni ħadet l-booster.