“Il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni marittima ta’ reputazzjoni għolja hija waħda mill-assi sinifikanti tagħna li rridu nkomplu nħarsu. Din il-pożizzjoni tiddistingwixxina minn bnadar oħra.”
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg meta kien qed jindirizza l-Malta Maritime Summit.
Filwaqt li enfasizza r-reputazzjoni ta’ Malta f’dan is-settur, huwa tkellem dwar l-isfidi ġodda li jippreżentaw opportunitajiet biex jiġi żgurat li dan is-settur jibqa’ jżid il-kontribut ekonomiku tiegħu lill-pajjiż.
Bħala s-sitt l-akbar reġistru ta’ bastimenti fid-dinja u l-akbar reġistru fl-Ewropa, Malta għandha rwol ewlieni fid-dinja marittima.
Il-Ministru Borg spjega li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ qed ikompli jsaħħaħ din ir-reputazzjoni b’saħħitha billi jippromwovi l-valur tal-bandiera Maltija madwar id-dinja.
Il-Ministeru jingħaqad ma’ entitajiet oħrajn involuti f’dan is-settur biex flimkien ikomplu jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ konnessjonijiet marittimi ġodda lejn portijiet internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq ukoll fuq xi wħud mill-isfidi esterni li qed jagħmluha aktar diffiċli għall-industrija li tiggarantixxi servizz affidabbli bi prezzijiet stabbli.
“Bejn Novembru u April, kien hemm aktar minn 50 attakk minn militanti Houthi b’reazzjoni għall-kunflitt f’Gaża, li qed iġiegħlu lill-bastimenti jieħdu rotta itwal madwar l-Afrika u għollew l-ispejjeż tal-merkanzija u l-ħinijiet tal-vjaġġi. Is-sena li għaddiet rat ukoll żieda fil-piraterija marittima”, kompla jgħid, filwaqt li żied li “fost l-aktar tħassib sinifikanti ta’ dawn l-attakki hemm is-sigurezza u l-ħarsien tal-baħħara.”
Is-sanzjonijiet marittimi imposti kontra l-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna ukoll qed jikkawżaw kumplessitajiet operattivi bla preċedent.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur affarijietbarranin.gov.mt jew segwi s-siti soċjali Affarijiet Barranin.