F’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ristoranti jew bars li minn jeddhom jaċċettaw biss persuni mlaqqma kompletament biċ-ċertifikat tal-vaċċin se jgawdu minn tnaqqis fir-restrizzjonijiet b’rabta mal-COVID-19, li se jibdew jgħoddu mit-tieni tmiem il-ġimgħa ta’ Ottubru.
Fost oħrajn it-tnaqqis se jkun fuq id-distanza ta’ bejn l-imwejjed u anke l-ħinijiet tal-ftuħ.
“Id-distanza bejn l-imwejjed li llum hija ta’ 2 metri, se tinżel għal metru għall-imwejjed li jkunu fuq barra, u metru u nofs għall-imwejje ġewwa. Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu estiżi mill-massimu sas-sagħtejn ta’ filgħodu għat-tlieta ta’ filgħodu, ovvjament dejjem skont il-liċenzja tal-istabbiliment.”
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li kwalunkwe ħaddiema li se jkollhom kuntatt mal-klijenti jridu jkunu mlaqqma kompletament.
“Dawk ir-ristoranti, bars jew każini li jdoqqu l-mużika jistgħu jgħollu l-limitu tas-ssound għal 80 decibel, u dawk il-postijiet li se jkollhom biss klijenti biċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun jista’ jkollhom servizz kontrollat mal-bars.”
Dwar il-ftuħ tal-iskejjel, il-Ministru Chris Fearne qal li l-użu tal-maskri għall-istudenti u l-għalliema jibqa’ kruċjali, u semma wkoll li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jistennew żieda żgħira fil-każijiet ta’ COVID-19 fil-komunità, minħabba li tfal taħt it-12-il sena mhumiex imlaqqma kontra l-virus.
Dwar l-ivvjaġġar id-Deputat Prim Ministru ħabbar li mill-1 ta’ Ottubru Malta se tibda taċċetta li jidħlu f’pajjiżna nies mingħajr ħtieġa ta’ kwarantina jekk ikunu ħadu doża waħda tal-vaċċin għax ikunu ġew infettati bil-virus, u b’doża waħda jkunu laħqu l-immunità għall-Coronavirus. Dan jgħodd għal pajjiżi fejn il-programm tat-tilqim miexi sew.
Mill-25 ta’Ottubru li ġej, se tibda tingħata t-tilqima kontra l-influwenza f’bereġ apposta. Hawn il-Ministru Fearne spjega li se din se tingħata fl-istess waqt li se tibqa’ tingħata d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
“Għandna loġistika fil-post biex inkunu nistgħu nagħmlu dan imma se nitlob il-koperazzjoni ta’ kulħadd għaliex dan ifisser li se jkollna numru ta’ bereġ ristretti biex jagħtu t-tilqima kontra l-COVID-19, u numru ta’ ċentri oħra li se jkunu limitati li jagħtu t-tilqima tal-influwenza. Jekk sa sena oħra se nibqgħu bl-istess kantaliena ta’ doża addizzjonali u tilqima tal-influwenza, jidher li se jkun hemm fis-suq tilqim li jinkorpora t-tnejn f’salt.”