Minn April jista’ jsir tieġ bil-wieqfa b’massimu ta’ 300 mistieden u sal-aħħar tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf mistenni li pajjiżna jkun neħħa l-maġġoranza tal-miżuri b’rabta mal-Covid-19.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nnota kif in-numri ta’ każijiet ta’ Covid-19 f’pajjiżna baqgħu neżlin u fl-isptarijiet u fit-taqsima għall-kura intensiva, in-numri baqgħu stabbli u ma baqgħux jiżdiedu.
Għalhekk ta dettalji dwar miżuri li ser ikunu rilaxxati dan ix-xahar fosthom għat-tiġijiet.
Qal, “Mill-1 ta’ Aprim in-numru ta’ persuni seated ser jibqa’ l-istess, jiġifieri sa ħames mija biċ-ċertifikat tat-tilqim u bis-social distancing pero ser inkunu qed inżidu l-possibilità li tieġ mill-1 ta’ April ikun jista’ jsir għal persuni li huma bil-wieqfa sa massimu ta’ mitt ruħ,”
Min-nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar ser ikun estiż il-ħin tal-viżitaturi ġewwa Mater Dei.
Dan filwaqt li ser titneħħa r-restrizzjoni kompletament ta’ kemm wieħed jista’ jkollu persuni fid-djar.
Mill-14 ta’ Frar, persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi fiż-żona l-ħamra skura, ser ikunu mitluba jagħmlu kwarantina ta’ 10 t’ijiem biss
Bħalissa persuni li ġejjin minn barra u għandhom bżonn jagħmlu kwarantina, jekk għandhom indirizz fiss ġewwa Malta, dawk jistgħu jagħmlu kwarantina f’darhom.
Issa mit-Tnejn 14 ta’ Frar ser ikunu jistgħu jagħmlu l-istess dawk li għandhom il-permess biex jaħdmu f’pajjiżna.
Dan ser jgħin kumpaniji li jimpjegaw ħaddiema minn barra l-pajjiż.
It-tfal kollha li jkunu ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqim jistgħu wkoll isiefru mingħajr xkiel.
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar li l-mira hija li mill-21 ta’ Frar ser ikun indirizzat il-mod ta’ kif isir il-kwarantina.
Dan hekk kif kull ma jmur qed jidher li hemm xejra fejn dawk li jkunu kuntatti primarji ma joħorġux pożittivi wara sebat ijiem.
Spega, “Dik il-pożittività issa nieżla u nieżla sew. Jekk it-trend li qed naraw tkompli fil-ġimgħat li ġejjin mill-21 ta’ Frar persuni li jkunu primary contacts minflok 7 t’ijiem kwarantina jkunu meħtieġa jagħmlu biss 5 t’ijiem jekk ikunu negattivi.”
It-tfal ta’ bejn il-ħames snin u ħdax-il sena li sal-lum kellhom bżonn jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata jekk ikunu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv, se jkollhom l-istess regoli tal-adulti applikati fuqhom kemm il-darba jkunu mlaqqmin.
Chris Fearne spjega kif 78% tal-adulti llum huma mlaqqma bil-booster filwaqt li 40% tat-tfal ħadu imqar doża waħda.
Stqarr kif ser ikun qed jiskatta pjan ta’ ħruġ mill-pandemija li se jwassal biex sal-aħħar parti tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf ikunu tneħħew il-maġġoranza tal-miżuri kontra l-Covid-19.