Ħarġet sejħa għal kiri ta’ propjetà f’Birżebbuġa biex f’din il-lokalità il-Gvern jinvesti f’berġa.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’attività politika tal-Partit Laburista bit-tema Malta Flimkien, bħala parti mill-programm Awla.
Qal, “Għandi biċċa aħbar tajba għar-residenti ta’ Birżebbuġa, għax ftit tal-ġranet ilu flimkien mal-Kunsill Lokali mmexxi mis-sindku Scott Camilleri ħriġna s-sejħa biex ġewwa Birżebbuġa jkollna propjetà biex sa Mejju li ġej jkun hawn ukoll Berġa ġdida ġewwa Birżebbuġa għar-residenti tal-lokal.”
Fil-fatt, fl-interventi tiegħu d-Deputat Prim Ministru tenna kif din l-aħbar sabiħa għall-Birżebbuġin waslet wara ftehim mal-Kunsill Lokali u b’hekk din il-Berġa issa se tkun qed tingħaqad ma’ oħrajn li qed jinfetħu madwar il-pajjiż.
Intant id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proposti tal-Partit Laburista fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet għall-anzjani u l-garanzija li Gvern Laburista ġdid iwettaq din il-proposta.
Iżda dan mhux biss.
Qal, “Qegħdin naraw rispons qawwi għall-proposti li mal-ewwel aħna bdejna inħabbru. Proposti li huma sodi, proposti li huma studjati, proposti li nafu kemm ħa nħallsu għalihom u minn fejn se jiġu l-flus, proposti li se jagħmlu l-ħajja lill-familji, lill-ħaddiema, ħa nnaqqsu t-taxxa lil min jaħdem u se nnaqqsu t-taxxa lil min iħaddem għax aħna l-Partit mhux tal-wieħed kontra l-ieħor iżda l-partit ta’ kollha flimkien, ta’ Malta flimkien, aħna l-partit ta’ Malta u Għawdex kollu.”
Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar din il-kampanja elettorali u li sa issa qed tikxef id-differenzi kbar bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Chris Fearne tenna kif fuq naħa rajna Partit Nazzjonalista mfixkel u fi kriżi.
Dan meta suppost kien preparat għal kampanja elettorali sa mill-ewwel jum tagħha rtirawlu erba’ kandidati f’daqqa.
Dan b’differenza għall-Partit Laburista li qed iħabbar u jispjega proposti importanti filwaqt li jgawdi il-kredibiltà tal-poplu wara snin importanti ta’ tmexxija b’saħħitha quddiem sfidi differenti.