Id-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li se jingħata lir-residenti fid-djar tal-anzjani se tibda tingħata minn nhar it-Tnejn li ġej, li hu ġimgħa aktar kmieni milli kien previst.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet.
Mill-ġimgħa d-dieħla wkoll dawk meqjusa vulnerabbli se jibdew jiġu mistiedna jieħdu d-doża addizzjonali.
Fost din il-kategorija ta’ nies hemm dawk li qed jieħdu l-kimoterapija jew ir-raġġi minħabba li huma morda bil-kanċer u persuni morda bl-HIV fost oħrajn.
Dawn se jkunu jew tal-Pfizer u BioNTech jew Moderna, skont anke rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
Hawn ikkonferma wkoll li hemm żewġ gruppi ta’ każijiet pożittivi ta’ COVID-19 f’żewġ djar tal-anzjani, grupp minnhom ta’ disa’ persuni u grupp ieħor ta’ ħames persuni.
Fearne ikkonferma wkoll li jidher li dawn ma kellhomx kumplikazzjonijiet, u allura d-deċiżjoni li tingħata doża addizzjonali minnufih kienet waħda għaqlija.
Spjega wkoll li dawk li jgħoddu minn sebgħin sena ’l fuq se jirċievu stedina għad-doża addizzjonali minn Ottubru.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/09/02/se-jsiru-zewg-attivitajiet-binqas-restrizzjonijiet-bi-prova-biex-tigi-studjata-s-sitwazzjoni/