L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qed ifasslu pjan sabiex fiż-żmien li ġej jibdew ineħħu pass pass il-miżuri u restrizzjonijiet b’rabta mal-Covid-19.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-programm Sibt il-Punt fuq One Radio, fejn fost l-oħrajn tkellem dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-imxija f’pajjiżna.
Id-Deputat Prim Ministru tenna, “Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jaħdem fuq ir-roadmap illi se nħabbruha l-ġimgħa li ġejja bid-dati ta’ meta ħa nkunu qed inneħħu mill-miżuri, mhux kollha, illi għandna fis-seħħ. Nerġa’ ngħid il-miżuri importanti li tagħmilhom fil-ħin waqtu imma imbagħad importanti li tneħħihom ukoll fil-ħin waqtu. La qabel u lanqas wara.”
Chris Fearne spjega kif dan kollu jista’ jsir hekk kif madwar ħamsa u sebgħin fil-mija tal-adulti f’pajjiżna huma mlaqqma bil-booster, u għalhekk il-protezzjoni taċ-ċittadini kontra l-virus hija ferm għolja.
Hawnhekk il-Ministru għas-Saħħa nnota kif pajjiż kbir bħal Franza għandu biss ħamsa fil-mija tal-adulti mlaqqma bil-booster.
Fejn imbagħad tidħol il-kategorija tat-tfal, Fearne qal li anke hawnhekk Malta għandha rata għolja ħafna.