Il-miżura li ġo dar jista’ jkun hemm sa erba’ households għadha fis-seħħ.
Dan fakkru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, l-Erbgħa waranofsinhar waqt il-programm Kalamita fuq dan l-istazzjon.
Dan intqal hekk kif bħalissa ninsabu fiż-żmien tal-festi, fejn ħafna jinġabru għall-ikliet.
Ftit wara li ġie mħabbar numru għoli ta’ każijiet pożittivi, id-Deputat Prim Ministru qal li t-tilqima tnaqqas ir-riskju li tispiċċa b’konsegwenzi serji minħabba l-virus.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif s’issa f’pajjiżna għad m’għandna l-ebda każ tal-varjant, Omicron iżda t-testijiet li qed isiru għall-varjant joħorġu mas-sitt ijiem wara u għalhekk wieħed jistenna l-varjant ikun reġistrat f’pajjiżna fil-ħin li ġej.
Chris Fearne qal kif il-Gvern qed jieħu l-miżuri skont ix-xjenza u l-awtoritajiet tas-saħħa, u mhux skont dak li jintqal fuq il-midja soċjali.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif minkejja ż-żieda fil-każijiet fil-komunita, il-każijiet fl-isptarijiet għadhom stabbli.
Chris Fearne spjega kif il-maġġoranza tal-każijiet li qed jinstabu huma ta’ nies li ma jkollhomx sintomi, waqt li ftit minnhom ikollhom sintomi ħfief.
Spjega kif mal-erba’ mitt każ minn qrib is-sitt mitt każ pożittiv li ġew irreġistrati fl-aħħar erbgħa u għoxrin huma ta’ persuni li għamlu test jew ta’ rutina jew biex isiefru u mhux għax ħassewhom ma jifilħux.
Dwar il-booster, id-Deputat Prim Ministru qal kif din id-doża hija l-unika għodda biex niġġieldu l-varjant Omicron.
Qal kif l-ewwel u t-tieni doża kienu effettivi għal ftit xhur u dan wassal biex pajjiżna ġġieled sew il-varjant Delta, waqt li l-booster se jagħti effettivita ta’ madwar sena sabiex jiġġieled il-varjant Omicron.