Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella biex dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena jieħdu d-doża tal-booster minkejja li l-każijiet tal-COVID-19 f’pajjiżna qegħdin stabbli u tneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet marbuta mal-imxija.
Fearne għamel dan permezz ta’ stqarrija fuq il-midja soċjali li ġibdet ukoll l-attenzjoni ta’ Hans Kluge li huwa d-Direttur Reġjonali tal-WHO fl-Ewropa.
Exactly @chrisfearne ! Hopeful yet vigilant protecting the elderly & vulnerable. Malta continuing evidence-informed COVID-19 strategy 👏 https://t.co/2967EcoCmi
— Hans Kluge (@hans_kluge) May 10, 2022
Il-Ministru għas-Saħħa ppubblika wkoll grafika li turi l-persentaġġ tar-rata ta’ każijiet pożittivi minn numru ta’ testijiet li qed isiru.
B’hekk din l-istatistika tagħti stampa ċara tar-rata ta’ infezzjonijiet fil-pajjiż.
Fl-istatistika ħareġ kif f’Jannar li għadda kien hemm rata ta’ infezzjonijiet ftit inqas minn dik ta’ April.
Dan ġie attribwit għal bosta raġunijiet fosthom il-wasla tal-varjant Omicron fil-bidu ta’ din is-sena u l-irjieħ staġjonali li wasslu għal ammont kbir ta’ testijiet u li battew xi ftit fir-rebbiegħa.
Din il-mewġa ġiet esperjenzata kważi madwar id-dinja kollha.
L-istatistika turi ukoll kif anki f’pajjiżi li kellhom rati ogħla ta’ każijiet pożittivi, il-każijiet serji kienu ferm inqas minn dawk esperjenzati fl-ewwel nofs tas-sena li għaddiet.
Apparti minn hekk, it-testijiet li qegħdin isiru fl-Isptar Mater Dei fuq il-pazjenti li jkunu ser jagħmlu intervent, qegħdin ikomplu jipprovdu stampa ċara tas-sitwazzjoni lill-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna.
Intant id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne temm jgħid li t-tieni doża tal-booster kontra l-Covid-19 tkompli tgħin fl-immunità u l-protezzjoni lil dawk li għandhom aktar minn 65 sena.