L-ilbies tal-maskri fl-iskejjel mhux se jibqa’ obbligatorju minn wara l-vaganzi tal-Għid.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq ix-xandir nazzjonali t-Tnejn filgħodu, fejn hawnekk huwa spjega kif is-sitwazzjoni b’rabta mal-pandemija f’pajjiżna baqgħet taħt kontroll u għalhekk l-Awtoritajiet Maltin jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-pjan lejn in-normalità.
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll rilaxx importanti ieħor mill-11 ta’ April, din id-darba b’rabta mal-ivjaġġar lejn Malta.
“Dawk il-persuni li jkunu rkupraw mill-Covid u allura jkollhom iċ-ċertifikat tal-irkupru, recovery certificate, ta’ mhux iżjed minn 180 ġurnata, jew dawk li ġejjin minn pajjiżi taż-żona ħamra jkollhom PCR negattiv ta’ 72 siegħa qabel dawn kollha jistgħu jiġu f’pajjiżna mingħajr kwarantina.”
Chris Fearne qal li b’dan ir-rilaxx, Malta se tkun prattikament neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif din il-ġimgħa wkoll se jkun qed joħroġ avviż legali, li se jagħmilha permessibbli li wieħed ikun jista’ jagħmel self-testing u anke li jinbiegħu self-testing kits li jkunu approvati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
“Ħa jkun hawn il-possibilità li wieħed jagħmel self-test biex jara għandux Covid jew le, naturalment jekk tiġi pożittiv ir-rakkomandazzjoni tkun li l-persuna tidħol fi kwarantina u jitkellem mat-tabib tiegħu għax ma rridux ninsew li l-Covid hija marda.”
F’dan l-istadju l-kwarantina se tibqa’ mandatorja.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta, anke b’mod volontarju, se tibqa’ toffri l-protezzjoni għal kontra l-Covid-19 permezz tat-tieni doża tal-booster lil dawk l-aktar vulnerabbli.
“Biex inkomplu noffru protezzjoni lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, ħa nkunu qegħdin noffru b’mod volontarju mhux obbligatorju t-tieni booster lil dawk il-persuni li għandhom kundizzjoni medika li ġisimhom ma tantx jagħmel protezzjoni anke jekk ikun ħa l-vaċċin u wkoll se noffru booster ieħor għal dawk il-persuni li jgħixu fi djar tal-anzjani.”
Chris Fearne fakkar ukoll kif min-nhar il-Ħadd li ġej jistgħu jibdew isiru l-festi tal-Għid u l-Ġimgħa Kbira b’mod normali u responsabbli u imbagħad fil-ġimgħat ta’ wara anke l-festi fl-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin.
Intant, fuq ix-xandir, il-Ministru għas-Saħħa qal kif permezz ta’ dan, l-Awtoritajiet Maltin se jibqgħu dejjem iħarsu saħħet il-Maltin u fl-istess ħin l-ekonomija tal-pajjiż.