Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iltaqa’ mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea (RGĦVP), Kaja Kallas, aktar kmieni llum.
Fil-marġini tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ta’ dan ix-xahar, fi Brussell, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg feraħ lil Kallas, u rrikonoxxa l-importanza tal-mandat li jmiss ta’ ħames snin biex ikompli jsaħħaħ il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, u l-konnessjoni tiegħu mal-Kunsill Ewropew.
F’din l-ewwel laqgħa, id-Deputat Prim Ministru enfasizza l-politika ta’ newtralità ta’ Malta fi ħdan il-politika ta’ sigurtà u difiża tagħha. “Inżommu n-newtralità militari tagħna u nistennew li l-komunità internazzjonali tirrispettaha. Madankollu, politikament, ma nibżgħux milli nagħmlu l-pożizzjonijiet tagħna ċari fuq kwistjonijiet importanti – nibqgħu kontra dak li hu ħażin u nħarsu dak li hu ġust u tajjeb,” huwa żied jgħid.
Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u r-relazzjonijiet tal-UE mal-Istati Uniti kienu fuq nett tal-aġenda waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-lum.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lir-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Josep Borrell, li ser ikun qed itemm il-mandat tiegħu, talli baqa’ jżomm lill-UE ffukata fuq il-kunflitt fil-Lvant Nofsani. “Huwa evidenti li m’hemm l-ebda soluzzjoni militari għal dawn il-kunflitti u permezz biss tad-diplomazija li nistgħu nwittu triq lejn l-istabbiltà, b’attenzjoni lejn l-isfidi fit-tul li qed jostakolaw l-għan aħħari ta’ soluzzjoni taż-żewġ stati.”
“Il-Palestinjani u l-Iżraeljani għandhom id-dritt li jgħixu fil-paċi u s-sigurtà f’arthom,” stqarr Ian Borg.
Huwa esprima wkoll it-tħassib ta’ Malta dwar l-aħħar attakki fuq l-Ukrajna u l-involviment reċenti ta’ pajjiżi terzi fl-isforz tal-gwerra tar-Russja, u wissa li tali eskalazzjoni tirrappreżenta riskju għas-sigurtà kondiviża Ewropea tar-reġjun.
Id-Deputat Prim Ministru sejjaħ ukoll lill-UE biex tkompli ssaħħaħ is-sħubija transatlantika, u żied jgħid li “din ir-relazzjoni storikament serviet bħala pilastru fundamentali għall-paċi u l-istabbiltà globali, u tibqa’ essenzjali għall-UE, għalhekk jeħtieġ li nagħmlu kull sforz li nħarsuha u nkomplu nsaħħuha.”