It-Tlieta filgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, kien imiss lilu biex jitlaqqam bl-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Flimkien mad-Deputat Prim Ministru, tlaqqam ukoll bl-ewwel doża l-Kelliem għas-Saħħa tal-Oppożizzjoni, Stephen Spiteri.
Waqt l-indirizz tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif f’Malta bħalissa mexjin tajjeb ħafna skont il-programm tat-tilqim.
Qal kif minn għada se jibdew jitlaqqmu l-ispiżjara kif ukoll il-ħaddiema fl-ispiżeriji kollha fil-komunità. Spjega kif din il-ġimgħa, proprju kif kien ippjanat, persuni li għandhom ‘il fuq minn 80 sena se jkunu qed jirċievu ittra d-dar. Dan sabiex sa Mejju jkunu tlaqqmu l-vulnerabbli kollha u fix-xhur li ġejjin tintlaħħaq l-immunità fil-popolazzjoni.
Mr Fearne ħeġġeġ lil kull min se jirċievi l-istedina biex jilqagħha u jitlaqqam, dan hekk kif wieħed għandu jafda fix-xjenza u mhux jemmen fis-superstizzjonijiet.
Intant fl-indirizz tiegħu, il-Kelliem għas-Saħħa tal-Oppożizzjoni, Stephen Spiteri, kompla jħeġġeġ lill-poplu biex jieħu l-vaċċin. Appella wkoll biex kulħadd isegwi l-protokolli maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa anke jekk wieħed jitlaqqam.