F’dawn l-aħħar tnax-il xahar, kull deċiżjoni li ttieħdet f’pajjiżna b’rabta mal-pandemija, kienet imsejsa fuq ix-xjenza.
F’intervista fuq ONE Radio, l-għada ta’ laqgħa minn sensiela li kellu fl-aħħar tnax-il xahar ma’ esperti mediċi, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-mod kif tmexxi l-pajjiż f’pandemija huwa billi tisma’ mingħand l-esperti u tieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż.
B’sodisfazzjon innota r-ritmu mgħaġġel li bih miexi l-pjan ta’ tilqim f’pajjiżna, u qal li dan ma seħħx b’kumbinazzjoni imma għaliex pajjiżna kien ambizzjuż fil-mod kif xtara l-vaċċin.
Qal kif, “Dil-ġimgħa rajna li kellna attakk fuq pajjiżna għaliex kien hemm min qal li pajjiżna qed jieħu wisq dożi ras għal ras. Spjegajna kif aħna dak li xtrajna, għamilnieh b’mod regolari, imma konna aggressivi iva, għaliex nemmnu li l-vaċċin huwa s-soluzzjoni u għaldaqstant konna fuq quddiem nett biex naraw li pajjiżna jġib kemm jiflaħ dożi tal-vaċċin, inlaqqmu kemm nifilħu, u rrid ngħid li aħna d-dożi kollha li qed inġibu f’pajjiżna, qed noħorġuhom, mhux qed inħallu dożi ġol-freezers.”
Il-Mexxej Laburista nnota kif li kieku kien għall-Oppożizzjoni, ilna f’lockdown minn Marzu li għadda, imma b’differenza, l-istrateġija tal-Gvern kienet li jinżamm bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.
Spjega, “Kultant nibda ngħid qed nifhem sew? Mela qalulna li daħħalna l-miżuri tard imma l-Kap tal-Oppożizzjoni, ftit qabel, kien qalilna biex noħorġu l-vouchers sabiex ikunu jistgħu jissarrfu fir-ristoranti tagħna li kien ikun ifisser aktar nies jiġru barra meta l-parir xjentifiku li kellna kien, żommu l-vouchers għalissa. Il-vouchers se jinħarġu, dik kienet wegħda li se joħorġu, u se nwettquha, u l-ħamsin miljun ewro f’vouchers se noħorġuhom fil-mument li x-xjenza tgħidilna huwa l-mument li issa n-nies jistgħu jerġgħu jibdew imorru fir-ristoranti, fil-bars, fil-każini, imma nimxu mal-parir xjentifiku.”
B’differenza għax-xewqa tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li jrid li ngħaddu mill-pandemija biex immorru għall-elezzjoni, il-Prim Ministru qal li jixtieq li tgħaddi l-pandemija biex in-nies jibdew jerġgħu jgħixu l-ħajja b’mod normali.
Sostna, “Konna perfetti f’dal-aħħar tnax-il xahar? Ebda pajjiż madwar id-dinja ma kellu strateġija perfetta u ma jistax ikollok strateġija perfetta f’pandemija għax hija mument ta’ kriżi li inti kontinwament trid taġġusta d-deċiżjonijiet tiegħek biex tilqa’ għall-imprevist.”