L-Awtoritajiet tas-Saħħa f’pajjiżna ħadu d-deċiżjoni li t-tilqima addizzjonali tal-vaċċin għall-Covid-19, magħrufa bħala l-booster, tinfetaħ għall-popolazzjoni kollha.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif aċċenna għas-sitwazzjoni tal-Covid-19 kemm fuq livell globali u anke nazzjonali.
Huwa spjega li bħalissa madwar id-dinja u anke fl-Ewropa l-każijiet relatati mal-Covid-19 qed jerġgħu jiżdiedu.
Madankollu għalkemm f’Malta fl-aħħar jiem kien hawn żieda minima ta’ każijiet, id-Deputat Prim Ministru saħaq li s-sitwazzjoni baqgħet stabbli mingħajr il-bżonn li jiżdiedu l-miżuri ristrettivi.
Hawnhekk id-Deputat Prim Ministru aċċenna għar-rata b’saħħitha ta’ tilqim li għandu pajjiżna hekk 94% ta’ dawk eliġibbli għat-tilqima tal-vaċċin kontra l-Covid-19, fil-fatt ħadu t-tilqima.
Madankollu huwa tenna li l-immunità tal-ewwel dożi tal-vaċċin issa ma tibqax b’saħħitha daqs qabel u għalhekk il-programm tat-tilqim bid-doża addizzjonali se jiġi aċċellerat: “Ħadna d-deċiżjoni li l-ewwel nies naċċelleraw il-programm ta’ tilqim kif kien ippjanat u kif kien imħabbar biex b’hekk il-healthcare workers, il-carers, l-ispiżjara u t-teachers u l-istaff tal-iskejjel se jibdew jieħdu t-tilqima tal-booster min nhar it-Tnejn li ġej.”
Mis-6 ta’ Diċembru se jibdew ukoll jitlaqqmu dawk ta’ 60 sena jew aktar bid-doża addizzjonali filwaqt li mit-tielet ġimgħa ta’ Diċembru se jiftħu r-reġistrazzjonijiet għal dawk li għandhom 45 sena jew aktar.
Mis-sena d-dieħla mbagħad id-doża addizzjonali se tkun qed tiġi offruta b’mod gradwali lill-poplu kollu.
75% tal-anzjani f’pajjiżna huma mlaqqmin bid-doża addizzjonali tal-vaċċin għall-Covid-19.
Intant id-Deputat Prim Ministru tenna wkoll li l-programm ta’ tilqim kontra l-influwenza wkoll miexi b’mod b’saħħtu: “Il-programm sejjer tajjeb ħafna, sa issa diġà ħadu t-tilqima tal-influwenza madwar 35,000 ruħ. Għada u pit għada, is-Sibt u l-Ħadd, iċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, il-Furjana u l-Mosta mit-8am sa 7pm jkunu miftuħin biex jagħtu t-tilqim lit-tfal ta’ bejn 6 xhur u 11-il sena.”