Robert Casa huwa raġel ta’ wieħed u tletin sena, li għandu kundizzjoni fil-kliewi. Huwa jmur għall-kura fir-Renal Unit fl-isptar Mater Dei u qed jistenna għal trapjant tal-kliewi.
Huwa spjegalna kif ħajtu nbidlet minn meta qabditu din il-kundizzjoni fil-kliewi. Dan għaliex jista’ jieħu biss sa litru kuljum, li jinkludi ilma u kull tip ta’ fluwidu.
Robert esprima d-diffikultà li jaffaċċja ta’ kuljum għaliex minħabba din il-kundizzjoni jrid jippjana sew dak li jkun se jiekol u jixrob. Fissrilna li ħafna mill-ikel li kien iħobb jiekol, issa ma jistax jieħdu minħabba il-kundizzjoni tiegħu. Huwa sostna li għalhekk huwa importanti li wieħed japprezza dak li għandu.
“Kont sorpiż ħafna biha, inħobb il-frawli jien, ħafna nies il-ħaxix u ħafna nies iħobbu l-frott. Li meta tmur u jgħidulek ma tistax teħodhom, qisek inti tgħid ma tistax tieħu ħaxix?”
Robert qalilna kemm tfisser għalih u għall-pazjenti bħalu li jsirilhom it-trapjant. Huwa qal li kieku jingħata għażla jekk jirbaħx il-lotterja, inkella jingħata kilwa, huwa bla dubju jagħżel li jingħata l-kilwa.
“Jiena bla dubju nagħżel li nieħu kilwa, immur għax-xogħol, naqla’ lira u niekolha dak il-ħin stess u nkun kuntent ħafna għax għalija qisni erġajt twelidt mill-ġdid.”
Tkellimna wkoll ma’ Josette Parnis, li taħdem bħala infermiera fir-Renal Unit u hija wkoll Kordinatriċi tad-Donazzjonijiet tal-Organi. Hija spjegat li bħalissa hemm madwar tliet mitt pazjent li jmorru għall-kura fir-Renal Unit, tmenin minnhom qed jistennew biex isirilhom trapjant.
Hija esprimiet is-sodisfazzjon li jħossu l-pazjenti meta jsiru jafu li nstab trapjant għalihom.
“Meta jirċievu kilwa u meta nċemplulhom, jiġifieri taraha dik l-entużjażmu tagħhom, il-ferħ tagħhom, il-pjaċir tagħhom, li qishom jgħidu ħa tinbidel il-folja.”
Josette enfasizzat fuq l-importanza tad-donazzjonijiet tal-organi u kemm din tfisser għall-pazjenti li jibbenefikaw minnhom.
Tenniet li matul l-elfejn u għoxrin ma tantx saru trapjanti, minħabba l-pandemija.
Min-naħa tiegħu, Robert appella biex aktar nies isiru donaturi tal-organi, b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ festi, fejn bosta nies jagħtu rigal lil xulxin. Huwa fisser kemm d-donazzjoni tal-organi tfisser għalih u għall-pazjenti bħalu.
“L-appell tiegħi huwa li l-isbaħ rigal li tistgħu tagħtu mhux illum imma tul ħajjitkom kollha hi li tkunu organ doners u tagħtu ħajja ġdida kemm lili u kemm lil sħabi tar-Renal Unit.“
Kull min għandu aktar minn sittax-il sena jista’ jimla l-formola biex isir donatur tal-organi. Din tista’ tinkiseb mill-Kunsilli Lokali, permezz tal-e-ID jew inkella billi tibgħat email fuq: organdonation.health@gov.mt