Is-settur tal-proprjetà f’pajjiżna qed ikompli jikber. Fil-fatt id-domanda qed tiżdied u għalhekk kumpaniji li jbigħu l-proprjetà qed jinvestu dejjem aktar biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda. Ma’ ONE NEWS, aġent tal-proprjetá sostna li kemm ilu fis-settur qatt ma jiftakar żmien tajjeb bħal dawn l-aħħar sentejn.
Is-settur tal-proprjeta f’pajjiżna qed ikompli jikber bla preċedent. Fil-fatt dawk li jbigħu l-proprjetà qed jinvestu dejjem aktar fi proprjetajiet ġodda għax id-domanda hi pożittiva ħafna.
B’dawk li qed jixtru proprjetà għall-ewwel darba qed imorru għal appartamenti dejjem aktar lussużi. Dan hekk kif il-flus fl-idejn qed jiżdiedu, riżultat tal-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna.
Dan ikkonfermah, Erskine Vella, li huwa aġent tal-proprjetà u li llum għandu kumpanija li tbigħ il-proprjetà. Qalilna kif is-settur tal-proprjetà qatt ma kien b’saħħtu daqskemm kien fl-aħħar sentejn.
Vella saħaq dwar l-importanza ta’ skemi bħalma introduċa l-Gvern fl-aħħar snin fosthom dik tal-first-time buyers. Skema tal-eżenzjoni tat-taxxa għal dawk li jixtru proprjeta għall-ewwel darba li matul din is-sena diġà gawdew minnha tlett elef, mija u tmienja u għoxrin persuna hekk kif saru elfejn, sitt mija u disa’ kuntratti. Biex din l-iskema qed igawdu minnha kemm il-first time buyers u kemm dawk fis-settur.
Skemi bħal dawn u aktar flus fl-idejn qed iwasslu għal numru ta’ bidliet fid-domandi għal proprjeta. Fost oħrajn, dawk li qed jixtru qed ifittxu, aktar minn qatt qabel, proprjeta finished li minkejja l-valur ikun ogħla, xorta qed tkun il-favorita ma’ dawk li qed jinvestu fi proprjeta.
Is-Sur Vella sostna wkoll li mhumiex biss il-bejjiegħa li qed imorru tajjeb minn din iż-żieda.
Dan kollu huwa frott tal-ħidma tal-Gvern li mhux biss qed jattira aktar nies biex jgħixu f’pajjiżna iżda qed jassigura aktar flus fl-idejn biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber.