Wara laqgħa urġenti tal-Kummissjoni Elettorali, il-Kummissjoni informat lill-pubbliku li l-medium ġdid introdott tad-dokument tal-vot fih tliet security features li ssodisfaw kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lid-delegati tal-partiti. Dan wara li allega l-Partit Nazzjonalista li m’hemmx biżejjed sigurtà fid-dokument tal-vot. Allegazzjoni li għamel il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, f’konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Kummissjoni Elettorali spjegat li għas-serħan ulterjuri tal-moħħ tal-pubbliku se jkun hemm verifika tal-votanti b’reqqa akbar waqt il-votazzjoni.
Il-Kummissjoni elettorali saħqet li kull votant għandu jieħu ħsieb li jerfa’ d-dokument tal-vot f’post sigur sabiex fil-jum tal-votazzjoni jkun jista’ jieħdu miegħu biex jivvota fil-post tal-votazzjoni indikat fuq id-dokument. Ħadd ma jkun jista’ jivvota mingħajr dokument tal-votazzjoni.
Il-Kummissjoni Elettorali fakkret fil-provvediment tal-liġi elettorali, li kull min ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument tal-vot, jew jiffalsifika, jimita jew jiddistruġġi b’qerq xi dokument tal-vot jista’ jinstab ħati ta’ reat u jeħel, meta jinstab hekk ħati, multa jew priġunerija, jew dik il-multa u l-priġunerija flimkien.