L-għada li tniediet il-white paper li għandha l-għan li tirregola s-suq tal-kera tal-proprjetà residenzjali, l-imsieħba soċjali u għaqdiet mhux governattivi laqgħu l-ħidma tal-Gvern u spjegaw kif dan id-dokument huwa pass ’il quddiem fit-triq it-tajba.
Id-dokument jippreżena bosta proposti fosthom kuntratti aktar fit-tul, żidiet permessibbli skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà b’massimu ta’ żieda minn sena għal oħra u reġistrazzjoni obbligatorja ta’ kull kuntratt tal-kera.
Andre Callus mill-Moviment Graffiti fisser il-proposti preżentati fil-pubblikazzjoni bħala pożittivi:
“Naħsbu li dan id-dokument huwa pożittiv ħafna, rajnih id-dokument, hemm studju serju fih dwar is-suq tal-kera f’Malta u naħseb għall-ewwel darba huwa rikonoxxut li hemm bżonn issir xi ħaġa”.
Is-Sur Callus spjega kif għall-ġid tal-inkwilin u s-sid kien hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex dan is-suq daqstant importanti jiġi rregolarizzat bl-aħjar mod u mill-aktar fis possibbli:
“L-affarijiet kif inhuma ma jaħdmux u hemm bżonn li jiġi regolat is-suq. Issa tagħmel proposti differenti tħalli lok għad-diskussjoni wkoll u aħna fil-ġranet li ġejjin hekk ħa nkun qed nagħmlu”
Il-Ministru Michael Falzon fil-Parlament qal li sabiex inkitbet il-white paper, il-Gvern ikkonsulta ma’ aktar minn ħamsin entità fosthom rappreżentanti ta’ dawk li jikru, diversi rappreżentanti tal-inkwilini u diversi professjonisti fil-qasam soċjali.
Fit-tnedija ta’ din il-white paper is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes semma kif apparti l-għajnuna għall-inkwilini, permezz ta’ din il-White Paper il-Gvern irid jipprofessjonalizza s-suq, filwaqt li jagħti ċertu jeddijiet lis-sid waqt li joffri protezzjoni lill-inkwilin.