Fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta d-dokument tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet sal-2035, lill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Matul din il-laqgħa, il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega l-iskop ta’ din ir-riforma, jiġifieri li sas-sena 2035 il-pajjiż kollu jsir żona ta’ reġistrazzjoni fejn ikun hemm trasferiment ta’ proprjetà.
Fil-fatt, tul din il-laqgħa ġie spjegat l-importanza ta’ din ir-riforma li qed timmira li l-pajjiż ikollu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-art aġġornata li tindirizza l-bżonnijiet meħtieġa sabiex ikun assigurat li jingħata l-aqwa servizz lill-klijenti u professjonisti involuti fil-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-propjetà.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta, anke minħabba l-esperjenza tagħha meta kienet teżerċita l-professjoni ta’ nutar, għamlet diversi osservazzjonijiet u indikat l-importanza biex din ir-riforma, li ilha ġejja mill-bidu tas-snin 80 tas-seklu l-ieħor, tkun suċċess b’risq is-soċjetà Maltija.
Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa miftuħa sat-28 ta’ Frar 2025. Fl-istqarrija, il-Ministeru inkoraġġixxa lil dawk direttament interessati u lill-pubbliku biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom dwar din l-istrateġija. Id-dokument li jista’ jitniżżel mis-sit elettroniku https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2024/NL-0036-2024.aspx.