Il-kuntratt storiku, li bih inħoloq il-Partit Laburista 104 snin ilu u jinsab fil-qofol tal-wirja ‘Kapitlu Ġdid’ fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun, jixħet dawl fuq fatti li ma kinux magħrufin sal-lum il-ġurnata, inkluż l-isem oriġinali tal-Partit.
Dan hekk kif f’dan id-dokument, bid-data tat-12 ta’ Ottubru tal-1920, fiċ-ċentru tiegħu juri l-isem ‘Partito Laburista’. Dan hu fatt storiku ġdid, hekk kif l-istoriċi dejjem qalu li l-isem oriġinali kien ‘Camera del Lavoro’ u kien intuża fl-elezzjoni ta’ sena wara, fl-1921.
Wara li nstab minn riċerkaturi tal-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili, dan id-dokument storiku tat-twaqqif tal-akbar forza politika f’pajjiżna għadda wkoll minn proċess ta’ konservazzjoni u restawr.
Dwar dan il-proċess metikoluż tkellimna mal-Konservatriċi Chanelle Mifsud Briffa, li spjegat li x-xogħol sar waqt il-perjodu tal-pandemija, fejn iltaqgħu ma’ aktar sfidi biex jinġieb il-materjal meħtieġ.
Minkejja dan, qaltilna li x-xogħol kien wieħed ta’ suċċess.
“Ix-xogħol kien insewwu l-karta fejn kien hemm imqatta’, fejn kien hemm problema fil-binding, fil-legatura li ssewwiet ukoll, fejn kien hemm bżonn issodajna l-materjal li kien hemm u fejn kien hemm bżonn ukoll ikkonsolidajna l-inka, fost xogħol ieħor.”
Chanelle Mifsud Briffa – Konservatriċi
Ir-riċerkatur u l-awtur ta’ ktieb ewlieni dwar l-istorja tal-Partit Laburista, Mario Cutajar sostna li kull min jattendi għal din il-wirja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, se jara wkoll il-kisbiet tal-Partit Laburista waħda wara l-oħra.
“Il-wirja tibda b’żewġ kolonni kbar, li huma t-twemmin tal-Partit Laburista, kif fissirha Ġużè Ellul Mercer fl-1929 – it-twemmin sempliċi li kull bniedem li jitwieled, għandu jgħix ta’ bniedem, għandu jkollu l-opportunitajiet ta’ bniedem u mbagħad in-nies, l-attivisti, li mingħajr l-attivisti dan il-partit ma jistax jiffunzjona, l-attivisti li huma l-qalb tal-Partit Laburista.”
Mario Cutajar – Storiku u Awtur
Dan id-dokument, ċentrali wkoll waqt l-open day fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, juri li mara, Carmela Bencini kienet waħda mill-fundaturi tal-Partit Laburista. L-istess sal-lum, dejjem ingħad li l-fundaturi tal-Partit kienu biss tnax-il raġel.
Dan meta f’dak l-istess perjodu, l-mara lanqas id-dritt tal-vot ma kellha, u kellu jkun proprju l-Partit Laburista fil-Gvern li jibdel l-istorja u jagħti dan id-dritt fl-1947.