Il-filmati ta’ dniefel li fl-aħħar jiem daru fuq il-midja soċjali daqs kemm qabżu dawn l-ispeċi l-ġmiel tagħhom saħħru lil bosta u wrew kemm il-pandemija COVID-19 u r-restrizzjonijiet li ġabet fuqna lkoll, taw nifs lin-natura tal-madwar.
Il-Professur Alan Deidun, lettur u riċerkatur tal-Ġeoxjenza, spjega li issa li l-bniedem huwa ‘mistoħbi’ u l-attivitajiet tiegħu fuq barra issa huma limitati, ċertu kreaturi issa jistgħu joħorġu fil-miftuħ.
Huwa spjega kif “speċi ta’ ħaxix ‘ħażin’ fil-passaġġi tal-kamanja żdiedu ħafna, għaliex waqfu xogħlijiet ta’ landscaping fejn dan kien jinqata’, u naqas ukoll l-użu tal-pestiċidi. Dan għandu impatt pożittiv għaliex żdiedu wkoll fjuri slavaġ li huma importanti għal insetti bħan-naħal, u żdiedu l-insetti li kienu jinqatlu bil-pestiċidi.”
Dwar il-bosta dniefel u kreaturi oħra tal-baħar li dan l-aħħar tlemħu qrib aktar mis-soltu tal-kosta, il-Professur Deidun spjega li dan issa huwa possibbli għaliex naqas ħafna il-ħoss taħt il-baħar. “Li jkollok numru kbir ta’ dniefel li jidħlu viċin tax-xatt speċalment fil-port, hija rari. L-anqas ħoss li jsir taħt il-baħar anke mill-muturi tad-dgħajjes jew skavar, se jkollu mpatt u jgerrixhom għax dak jibqa’ jivvjaġġa għal kilometri sħaħ”, spjega l-Professur.
Il-Professur spjega wkoll li issa li d-dinja ħadet dan in-nifs, ir-responsabbiltà tagħna hi li nsostnuh. Dan nistgħu nagħmlu billi nillimatw l-ivvjaġġar bil-karozzi, u anke bl-ajruplani. “Min isiefer ħafna għal xogħol jista’ jistaqsi kemm fil-verità hemm bżonnu dan. Xi drabi l-laqgħat ikunu jistgħu isiru b’mod remot mhux wiċċ imb’ wiċċ fejn hu possibbli, u hekk wieħed inaqqas il-carbon footprint tiegħu.”
Jekk dan ma nagħmluhx, kapaċi naffaċċjaw kriżi oħra- dik tat-tibdil fil-klima. il-Professur Deidun filfatt temm jirrimarka li “fl-aħħar mill-aħħar it-tibdil fil-klima se tkun emerġenza kbira wkoll, bħall-pandemija fil-futur mhux daqshekk ‘il bogħod, u se jkollha impatt fuq id-dinja kollha bħall-COVID.”