Id-Dmugħ ta’ San Lawrenz bkewh il-Ħadd u anke dalgħodu l-ħaddiema tal-Kunsill, residenti, bdiewa, kaċċaturi, nassaba u anzjani li jifrekwentaw ta’ spiss iż-żona tal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Dan sabiex inaddfu il-ħmieġ li ħallew warajhom nies irresponsabbli li rmew il-ħmieġ fuq l-irdumijiet u fejn fettilhom.
“Aħna nieħdu gost li turisti u Maltin iżuru r-raħal tagħna. Iżda dan inaċċettabbli” qal is-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Sandro Azzopardi. “Din il-problema kull ma jmur qed tiżdied u r-riżosi tal-Kunsill huma limitati sabiex ilaħħqu mad-domana ta’ tindif li qed ikun qed bżonn wara tmiem il-ġimgħa”. “Għalkemm bħalissa mħabbtin bil-festa ser nagħmlu l-għalmu tagħna u naddfu kemm nistgħu. Grazzi kbira tmur lil dawk ir-residenti Dinglin li flimkien mal-bdiewa, kaċċaturi u nassaba xamru kmiemhom u ġew jgħinu lill-ħaddiema tal-Kunsill.”
Saħansittra kien hemm karozzi ipparkjati fuq ix-xagħri fejn saret ħsara irreparabbli lis-sagħtar salvaġġ li jikber fl-akkwati.
Dan mhux l-ewwel każ ta’ żibel mormi fuq l-irdumijiet u fil-periferija jew saħansittra fil-qalba tar-raħal, kemm dak domestiku kif ukoll dak goff.