F’inqas minn xahar, il-Knisja Għawdxija indirettament qanqlet il-kwistjoni tal-artijiet tal-Qala u n-Nadur, li diġà rat l-ordni ta’ żgombrament ta’ familja minn darha, wara li l-Kurja tal-Arċisqof stess ċediet il-kontroll li kellha fuq tali meded ta’ art.
Wara li, fit-8 ta’ Diċembru li għadda, l-Isqof Anton Teuma nnifsu kien indirizza l-kwistjoni f’omelija fil-Knisja tal-Qala stess u tefa’ botti kontra d-deċiżjoni tal-Arċisqof Charles Scicluna li jċedi l-kontroll fuq il-Fondazzjoni li tamministra l-artijiet inkwistjoni għas-somma ta’ darba ta’ €200,000, issa kienet d-Djoċesi t’Għawdex li għamlet dan.
Fi stqarrija għall-istampa, li ħadet spunt minn deċiżjoni ta’ tliet xhur ilu għal żvilupp propost qrib it-Tempji tal-Ġgantija, id-Djoċesi, immexxija mill-Isqof Teuma, tikkummenta dwar l-ambjent inġenerali fil-gżira, mingħajr ma tirreferi b’xi mod għall-kwistjoni tal-Qala.
Minkejja dan, sorsi qrib l-istess djoċesi kkonfermaw ma’ ONE News li l-istqarrija użat l-iskuża tal-Ġgantija biex terġa’ titfa’ dawl fuq id-deċiżjoni żbaljata tal-Arċidjoċesi fir-rigward il-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra fejn l-Arċisqof kellu d-dritt storiku li jaħtar l-amministratur tagħha.
Il-fondazzjoni, li għaddiet f’idejn l-Avukat Patrick Valentino u Dei Conti Holdings Limited, għandha kull intenzjoni li tiżviluppa l-artijiet vasti li jinfirxu mill-Qala san-Nadur.
Fl-istqarrija, id-Djoċesi t’Għawdex tuża u tindirizza lill-awtoritajiet tal-Istat biex tgħid, fost oħrajn, li “Lil hinn mit-teknikalitajiet u l-legaliżmi, min hu fdat bit-tmexxija tal-pajjiż għandu d-dmir inaljenabbli li jħares lill-persuni l-iktar dgħajfa u l-ġid komuni fuq l-interessi individwali, u li jiżgura li l-ġustizzja fit-tqassim tal-ġid tkun applikata kemm maċ-ċittadini tal-lum u kemm mal-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk biss nistgħu nkunu soċjetà ġusta.”
Dwar il-każ tal-Qala, anke l-Prim Ministru Robert Abela kien sod fi kliemu u qal li se jara li jsir dak kollu possibbli favur ir-residenti u kontra dawk li sejħilhom bħala ħniżrijiet minn min fetaħ proċeduri ġudizzjarji għas-skapitù taż-żgħir.
Is-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg ukoll fakkar kif dan il-każ tal-art fil-Qala jirrifletti ċ-ċirkostanzi li wasslu għal ġlieda biex jiġi salvat Ħondoq ir-Rummien, kif seħħ fl-aħħar xhur mill-Gvern Laburista.
Min-naħa l-oħra, min kien responsabbli għall-kwistjoni kollha, l-Arċisqof Scicluna, kien qal li ma kienx jaf li l-art se tiġi żviluppata qabel ħa d-deċiżjoni li jirrinunzja d-drittijiet tal-Arċidjoċesi fuq il-fondazzjoni li tamministra l-artijiet. Sussegwentement ukoll fi tweġibiet lil ONE News, il-Kurja offriet biss l-empatija tagħha mal-familji involuti u injorat mistoqsijiet jekk hux se toffri xi soluzzjoni jew le.
Nhar il-Kunċizzjoni li għaddiet, l-Isqof Theuma wkoll kien iddikjara kif, qabel ma wieħed jaġixxi u jiddeċiedi, irid jara mhux biss kif se jaqbel lilu, imma kif se jintlaqat ħaddieħor.
“L-isfida tagħna hi li qabel ma niddeċiedi, qabel ma naġixxi, nistaqsi u ngħid mhux dak li jaqbilli biss, imma lill-oħrajn kif se nolqothom, lill-oħrajn kif se nweġġagħhom.”
Issa fl-istqarrija tad-Djoċesi t’Għawdex jingħad li “Mhux biżżejjed li min imexxi u jiddeċiedi ma jkunx qed jikser il-liġi; hemm ħafna ċirkustanzi u għemejjel li għalkemm jistgħu ma jkunux qed jiksru l-liġi, xorta jafu jkunu etikament u moralment skorretti u inġusti.”
U tkompli tisħaq li “Inħeġġu lill-awtoritajiet kollha – mhux biss l-Awtorità tal-Ippjanar – biex jaqdu l-għan li għalih huma mwaqqfa u lil dawk li huma obbligati jipproteġu, speċjalment dawk l-iktar dgħajfa u bla vuċi. Hu perikoluż li kollox jidher qisu għandu prezz fi flus u li fis-soċjetà tagħna ntilef is-sens ta’ valur tal-beni komuni li jmur lil hinn mill-flus u s-suq.”
Waqt li tikkwota kliem il-Papa Franġisku, id-Djoċesi tikkonkludi li “Ma nistgħux inkomplu narmu l-ġid komuni tal-lum u tal-futur, biex naqilgħu kull ewro possibbli llum, bi prezz għall-ekonomija u s-soċjetà ta’ Għawdex tal-futur. L-ambjent naturali, storiku u kulturali huwa wirt u responsabbiltà ta’ kulħadd. Il-ġid ta’ Għawdex illum u fil-futur, u l-imħabba tagħna kollha għal din il-gżira, jitolbu minna li nkunu iktar għaqlin fl-għażliet tagħna.”