Permezz ta’ digriet, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ħabbar it-twaqqif tal-Kummissjoni tas-Safeguarding fi ħdan id-Djoċesi Għawdxija.
Kif miktub iswed fuq abjad fid-digriet, u simili għall-Kummissjoni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-għan prinċipali tagħha se jkun li “tittratta ma’ każi ta’ abbużi fuq minuri u fuq persuni vulnerabbli minn kleriċi jew minn persuni impjegati jew voluntieri dipendenti tal-Knisja fid-Djoċesi ta’ Għawdex”.
Fl-aħħar snin, fosthom anke taħt it-tmexxija tal-Kardinal Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex, ġew irrapportati numru ta’ allegati abbużi minn saċerdoti Għawdxin fuq minuri, fosthom f’każ speċifiku fuq abbati fis-sagristija.
Sa qabel id-digriet, id-Djoċesi ta’ Għawdex kienet tirreferi każi simili lill-Kummissjoni tas-Safeguarding tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Kura ta’ Għawdex għamlet referenza għall-Ittra Appostolika Vos Estis Lux Mundi tal-Papa Franġisku, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju tal-2019, b’normi ġodda marbutin mal-protezzjoni tal-minuri u l-persuni vulnerabbli fi ħdan il-Knisja.
Dan bil-għan li “jiġu adottati fuq livell universali proċeduri dwar il-prevenzjoni u li joħduha kontra dawn l-atti kriminali li qed jittradixxu l-fiduċja tal-fidili”, u li ħeġġet biex fid-djoċesijiet madwar id-dinja tinħoloq “sistema waħda jew iżjed, stabbli u faċilment aċċessibbli għall-pubbliku biex jista’ jagħmel rapporti, anke permezz tat-twaqqif ta’ uffiċċju ekkleżjastiku apposta.”
Sadanittant, il-bord tas-Safeguarding se jkun qed jitmexxa minn Loraine Borg bħala l-Kap tal-Kummissjoni.