Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju d-Djoċesi Għawdxija se tilqa’ saċerdot ġdid, id-Djaknu Franklin Micallef.
Iċ-ċelebrazzjoni se ssir fis-6.30pm, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, il-Belt Victoria, mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, li se jmexxi l-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Franklin Micallef (mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem).
Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju, fit-8.00pm, fl-Anfiteatru ta’ Villa Rundle, il-Belt Victoria. Wara, mill-10.00pm sas-7.00am tal-għada, ikompli Lejl ta’ Adorazzjoni b’talb għall-ordinand fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri, il-Belt Victoria.
Kemm l-Ordinazzjoni u kemm il-Velja se jkunu mxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese.