Joseph Tabone ta’ 53 sena ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li xtara djamanti misruqa, liema valur tad-djamanti jammontaw għal aktar minn għaxart elef ewro.
Fil-Qorti nstema’ kif dawn id-djamanti kienu nsterqu bejn it-tmienja u d-disgħa ta’ Ġunju li għadda minn Carmel Azzopardi mill-Imsida.
Instema’ kif Azzoppardi ammeta li kien hu li seraq dawn id-djamanti u huwa kkopera mal-Pulizija fejn qal li kien biegħ id-djamanti lil Tabone.
Tabone sostna li hu ma kellux idea li dawn id-djamanti kienu misruqin, u fil-Qorti, l-imputat deher fiżikament ixxukkjat, tant li l-Maġistrat qaltlu biex ipoġġi sabiex ma jagħtihx ħass ħażin.
ONE News jinsab infurmat li meta l-midja rrappurtat fuq dan il-każ ġimgħa ilu, kien qassis li resaq lejn il-Pulizija b’dawn id-djamanti sabiex jirritornahom.
Kien minħabba f’hekk li d-difiża sostniet li l-imputat ma kienx hemm bżonn li jitressaq il-Qorti bħala akkużat.
Fil-Qorti d-Difiża appellat għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma sabet ebda oġġezzjoni mill-prosekuzzjoni.
Minkejja dan, il-Prosekuzzjoni talbet li l-imputat ikun soġġett ta’ xi kundizzjonijiet tal-Qorti.
Il-Maġistrat Josette Demicoli laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ tmint elef u ħames mitt ewro, flimkien ma xi kundizzjonijiet fosthom li ma jistax isiefer.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/14/jammetti-li-seraq-be10000-djamanti-minhabba-dejn-li-akkumula/