Vision Zero. Din kienet it-tema ta’ konferenza organizzata minn Doctors For Road Safety fil-Palazz Verdala fejn matulha ntqal kif f’Malta, l-inċidenti tat-traffiku jibqgħu r-raġuni ewlenija wara diversi mwiet ta’ persuni bejn l-etajiet ta’ ħames snin u disgħa u għoxrin sena.
Fetaħ din il-konferenza l-President ta’ Malta George Vella li emfasizza fuq il-punt li attitudni egoista jew moħħ mhux iffokat fuq is-sewqan jista’ jitfa’ ħajjet xi ħadd fil-periklu jew saħansitra tiswilu ħajtu.
Għaldaqstant, Dr Vella ħeġġeġ lin-nies preżenti u lill-pubbliku sabiex jgħarfu l-urġenza tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fit-toroq tagħna għaliex minkejja l-fatt li saru diversi sforzi f’dan ir-rigward, għad baqa’ xi jsir.
Il-President Malti sostna fuq ir-responsabbilità tas-sewwieqa fit-toroq tagħna hekk kif għandhom parti integrali fil-bidla meħtieġa fil-kultura.
Fil-fatt minkejja d-distanzi qosra, il-President spjega li inċidenti tat-traffiku jibqgħu jseħħu kważi kuljum iżda ħidma kollaborattiva u d-djalogu huma ċ-ċwievet li jwasslu għall-qalba tal-ħsieb wara l-kunċett Vision Zero.
Fid-diskors tiegħu George Vella rrimarka li bħala poplu għandna nikkunsidraw mezzi alternattivi ta’ transport sabiex jonqos l-użu l-konċentrazzjoni ta’ vetturi fit-toroq.
B’hekk tkun tista’ tittaffa l-weġgħa li jġorr miegħu incident tat-traffiku, li l-maġġoranza tal-vittmi jinkludu ċiklisti, sewwieqa ta’ muturi u nies miexja fit-toroq.
Matul din il-konferenza tkellem ukoll l-uffiċjal reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa li sostna li l-effiċjenza ma tistax tissostitwixxi l-ħajja u li s-sigurtà fit-toroq hija responsabbilità fuq spallejn kulħadd.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Aaron Farrugia.