“Id-djalogu soċjali ħadem.” Dan kien is-sentiment li ħareġ minn bosta msieħba soċjali, li lkoll esprimew is-sodisfazzjon tagħhom lejn is-sensiela ta’ miżuri mħabbrin mill-Gvern biex tiġi mitigata b’diversi modi l-problema tat-traffiku fuq medda ta’ 18-il xahar.
Dan ukoll esprimewh mal-gazzetta KullĦadd, fl-aħħar ħarġa tagħha.
Il-miżuri, imħabbrin mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, jinkludu dawk li persuna tista’ tirrinunzja l-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ ħames snin waqt li tirċievi għotja ta’ €25,000.
Minbarra hekk, biex ukoll jiġi limitat l-użu tal-vetturi kbar fl-agħar ħinijiet tal-ġurnata, ikun hemm servizzi importanti li jsiru f’ħinijiet off-peak, jissaħħu l-metodi alternattivi għall-ivvjaġġar u jiġi promoss ix-xogħol remot, fost l-oħrajn.
Marco Bonnici, President tal-Unjin tal-Għalliema, enfasizza li, bħala unjin, jaqblu bis-saħħa mal-miżuri mħabbrin rigward is-soluzzjonijiet fit-traffiku.
“L-ewwel ħaġa huma miżuri li kienu mistennija ħafna u, ovvjament, huma importanti, għax it-traffiku hi problema tagħna kollha kemm aħna, u għas-soluzzjoni rridu nkunu kollha kemm aħna parti minnha.”
Marco Bonnici, President, MUT
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, saħaq kif jinsabu sodisfatti ħafna li kienu parteċipi fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-traffiku.
“Bħala GWU sodisfatti ħafna. Aħna konna parteċipi b’mod attiv fil-proċess ta’ konsultazzjoni, jiġifieri bdejna qabel nitkellmu mal-Ministru dwar il-kwistjonijiet li kellna u l-issues u l-problemi li kien hemm fl-industrial estates.”
Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, elenka li huma laqgħu tali miżuri mħabbrin.
“Aħna lqajnihom, ovvjament dawn il-miżuri huma miżuri li aħna naqblu magħhom, jista’ jkun hemm xi ħaġa minnhom li ma jaħdmux, biss il-Ministru kien preċiż u kien onest magħna fejn qalilna li jekk ma jaħdmux, fejn ikun hemm bżonn ibiddel.”
Paul Abela, President, Chamber of SMES
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti, Tony Zahar, qal li l-miżuri l-ġodda huma tassew interessanti.
“Il-miżuri huma interessanti, miżuri ġodda, u, allura, wieħed irid jikkunsidrahom taħt iċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom illum.”
Tony Zahra, President, MHRA