Id-DJ Marshmello se jkun f’pajjiżna fid-19 ta’ Lulju għall-14-il edizzjoni ta’ Isle of MTV.
Dan ħabbru d-Direttur ta’ G7 Events, Owen Spiteri, waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn intqal kif wara sentejn, l-akbar festival mużikali b’xejn fl-Ewropa se jirritorna fuq il-Fosos tal-Furjana.
Iċ-Chairman tal-Aworità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia nnota kif l-istazzjon MTV jilħaq mal-erba’ mitt miljun dar madwar id-dinja, u b’hekk il-festival mhuwiex biss lejl ta’ divertiment għall-eluf ta’ persuni li jaraw dan l-ispettaklu f’pajjiżna.
Qal, “L-MTV hija vetrina, prattikament, l-akbar vetrina ta’ marketing għal pajjiżna għax hija mxandra f’mija u erbgħin pajjiż, u allura naturalment il-benefiċċju li jieħu minnha l-industrija tat-turiżmu sabiex inħajjru t-turisti iżuru lil pajjiżna huwa kbir.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna kif il-fatt li se jsir dan il-festival tant maħbub anke barra minn xtutna, huwa sinjal ċar tal-futur sabiħ li se jkollha Malta.
Appella sabiex b’għaqda, il-poplu Malti jibqa’ ottimist u magħqud sabiex fil-qasam tat-turiżmu, pajjiżna jerġa’ jikseb is-suċċessi kbar li ra qabel il-pandemija.
Huwa tenna jgħid kif dan l-avveniment huwa l-ewwel pass għall-irkupru turistiku tal-pajjiż.
Qal, “L-għan tagħna jibqa’ dak li bħalma tajna l-għajnuna kollha li kien hemm bżonn fix-xhur li għaddew lil din l-industrija, hekk inkunu qiegħdin hemm sabiex naraw li l-irkupru jkun wieħed sostenibbli u jkun wieħed mibni fuq sisien sodi bil-għan li jkolna prodott turistiku aħjar biex dawk kollha li jżuruna jkollhom esperjenza li ma jinsewha qatt, tant li jerġgħu jiġu lura f’pajjiżna fis-snin ta’ wara.”