Il-fatt li ma ttieħdetx deċiżjoni dwar jekk il-kariga li kellu Pierre Portelli hux se timtela jew le, tefa’ f’inċertezza lill-bosta ħaddiema ta’ Net Television.
Kien One News li żvela kif hemm dubji kbar dwar jekk jinħatarx Kap Eżekuttiv ġdid għal media.link, b’diversi fatturi jistgħu jieħdu d-deċiżjoni naħa jew oħra.
Anke jekk b’Portelli ma kinux xi kuntenti, numru ta’ ħaddiema huma mħassba dwar il-mod kif il-Kap Adrian Delia tefa’ fl-aħħar nett tal-aġenda tiegħu is-sitwazzjoni fil-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir il-midja tal-PN marret lura u issa qed tirriskja wkoll li titlef numru ta’ ħaddiema. Speċjalment minn fost dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti u għandhom ħiliet tekniċi.
Mhux sigriet li ħafna qed iħufu għal opportunitajiet tax-xogħol oħra. Iżda, dan ma tantx jidherl li qed jinkwieta lill-Kap jew lis-Segretarju Ġenerali, Clyde Puli, u din hi l-iktar ħaġa li qed tifrustrahom.
Ta’ spiss ifakkru kif ħafna minnhom għamlu perjodu mingħajr ma jirċievu salarju minħabba d-dejn tal-midja nazzjonalista. U f’każi oħra ma tħallsux tal-overtime.
Jirriżulta ċ-Chief Operations Officer ta’ Net Television, Karl Gouder, għaddej b’tentattiv iddisprat biex jikkonvinċi lill-ħaddiema li kollox se jkun sew.
Iżda, dawn ma tantx qed jemmnuh għax jafu li ma’ Delia lanqas hu ma jaf fejn qiegħed. Aħseb u ara kemm jista’ jserħilhom rashom.
Is-sitwazzjoni mistennija tkompli tiżviluppa fil-jiem li ġejjin.