Il-każ tad-diżgrazzja tad-double decker fiż-Żurrieq tqajjem fil-Parlament bil-Prim Ministru jgħid li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien l-isptar biex jevalwa s-sitwazzjoni. Huwa qal li mill-ewwel daħal il-protocol ta’ emerġenza maġġura.
Dr Muscat qal li l-informazjzoni li seta’ jagħti f’dak il-punt hija dik li kienet magħrufa publikament li hemm tnejn mejta u numru ta’ nies midruba. Tenna li f’dan l-istadju, meta hemm inkjesta maġisterjali, nkunu qed nażżardaw jekk wieħed jitkellem dwar ir-raġunijiet u d-dinamika li wasslet għal dan l-inċident.
Huwa wera s-sogħba u ta l-kondoljanzi lill-familarji tal-vittmi u rringrazzja lill-persuni fil-qasam tas-saħħa u ta’ persuni oħra li rreaġixxew bl-aktar mod effiċjenti f’dan ir-rigward.
L-Oppożizzjoni u l-Ispeaker ukoll taw il-kondoljanzi tagħhom.