Il-messaġġ tal-kowċ Portugiż Fernando Santos kien wieħed qawwi u b’saħħtu, fejn qal li dak li seħħ bejn Cristiano Ronaldo u Manchester United, mhux se jtellef mill-attenzjoni tat-tim nazzjonali Portugiż. Santos qal dan fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, li għandhom illum fil-17:00, kontra l-Ghana. Santos kompla billi qal, li huwa ma tkellem xejn ma’ Ronaldo fuq dan, għaliex din hija xi ħaġa personali tiegħu u l-attenzjoni tagħhom hija 100% għat-tim nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, Bruno Fernandes, li sa ftit ilu kien sieħbu mal-United, qal li kien ta’ privileġġ għalih li lagħab miegħu mal-klabb daqskemm mat-tim nazzjonali. Ronaldo huwa għalih mudell u jemmen bis-sħiħ li l-attenzjoni tiegħu se tkun fuq it-tim nazzjonali Portugiż. Dan għaliex it-Tazza tad-Dinja tfisser ħafna għal Cristiano Ronaldo!
Għal Ronaldo li għandu 37 sena, din hija l-ħames edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja b’seba’ gowls, tnejn anqas mill-plejer leġendarju Portugiż Eusebio.
Meta mistoqsi dwar it-tim tal-Ghana, Santos wera rispett kbir lejn dan it-tim li huwa ferm organizzat, veloċi biex jaqleb il-logħob u jattakka.
Fl-aħħar nett Santos qal li huma wkoll għandu l-ambizzjoni li jirbħu t-Tazza tad-Dinja u li huma kapaċi jissieltu għal dan l-unur.
Ritratt: Getty Images